Ewropa Lokali

Il-MPE se jqajmu l-impunità f’Malta mill-qtil ta’ Daphne ‘l hawn, wara li David Casa kiseb dibattitu fil-Parlament Ewropew

L-ewroparlamentari f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa kiseb dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar l-istat tas-saltna tad-dritt f’Malta, sitt snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Kamra se tiddibatti l-impunità marbuta mal-korruzzjoni tal-Gvern Malti, li qed tkompli ssaħħaħ il-kultura ta’ impunità, identifikata mill-Inkjesta Pubblika Indipendenti bħala kawża diretta tal-qtil brutali ta’ Daphne.

Wara d-dibattitu, il-Parlament Ewropew se jadotta wkoll riżoluzzjoni u jagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi b’reazzjoni għall-iskandli esposti mill-ġurnalisti Maltin fil-ġimgħat li għaddew.

“Għandna Prim Ministru li naqas milli jaġixxi biex jelimina l-korruzzjoni u issa fil-miftuħ ammetta l-falliment tiegħu meta qal li l-korruzzjoni hija l-mod ta’ kif isiru l-affarijiet f’Malta,” qal David Casa. “Imma dan mhux il-mod kif għandhom isiru l-affarijiet f’Malta. Ċertament, mhux f’ismi,” kompla jgħid.

David Casa fakkar fir-rivelazzjonijiet riċenti li nżammu deliberatament moħbija mill-Prim Ministru Robert Abela għal sentejn sħaħ, sakemm il-ġurnalisti finalment kixfu l-istorja. Dawn kienu jinvolvu sforz koordinat ta’ frodi, falsifikazzjoni u korruzzjoni biex jingħataw benefiċċji ta’ diżabilità ta’ kull xahar lil persuni li ma kellhom ebda diżabilità, sempliċement biex jixtru l-vot tagħhom.

L-istess ġara bl-iskandlu tat-testijiet tas-sewqan, fejn ingħataw liċenzji lil dawk li kieku kienu jeħlu mill-eżami jekk instab li huma u l-familji tagħhom kienu Laburisti ferventi biżżejjed.