Il-Partit Nazzjonalista kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu favur il-persuni b’diżabbilta. Dan hekk kif matul il-jum tal-Erbgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa mal-Federazzjoni Maltija tal-Persuni b’Diżabbilta.
Waqt din il-laqgħa Bernard Grech saħaq fuq l-importanza tal-inklużjoni, u stqarr li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jimbotta ‘l quddiem il-proposti tagħhom sabiex il-persuni diżabbiltà jkunu tassew indipendenti.
Minn naħa tagħha l-Federazzjoni tkellmet dwar diversi problemi li qed jaffaċċjaw persuni li għandhom diżabbilta. Fost l-oħrajn tkellmu dwar problemi li qed jaffaċċjaw mas-CDAU hekk kif bejn appuntament u ieħor jgħaddu x-xhur – filwaqt li mhux dejjem tarak l-istess persuna.
Hawnhekk il-Federazzjoni sostniet li qed jinħoloq nuqqas ta’ kontinwità. Dan apparti li l-ħinijiet tal-appuntamenti mhux dejjem konvenjenti għall-ġenituri u għalhekk f’ċertu ċirkostanzi l-ġenituri jkollhom jirrikorru għall-privat.
Ġie diskuss ukoll l-importanza li jkun hemm aktar integrazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll fis-settur tal-edukazzjoni, hekk kif persuni b’diżabbilta qed jaffaċċjaw diversi diffikultajiet.
Barra minn hekk, ġie spjegat ukoll il-kunċett ta’ assistent personali u l-ħtieġa li jkun hemm żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għal PA. Dan għaliex preżentament dan qed ikun ta’ piż finanzjarju fuq il-familji.
Waqt din il-laqgħa il-Federazzjoni saħqet fuq l-importanza ta’ ‘early intervention’ u li jkun hemm budget serju allokat għal dan. Hawnhekk, il-Federazzjoni saħqet li jekk isir dan ikun hemm riżultati aħjar għat-tfal u sussegwentament għal futur tagħhom.
Preżenti għal din il-laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Graziella Galea u Jerome Caruana Cilia kif ukoll il-President tal-FOIPN Jamie Vella u l-kandidat għall-Parlament Ewropew Louise Pulis.
//= $special ?>