Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliema għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur Rebekah Borg u mill-Kelliem għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Scembri, il-Partit Nazzjonalista kiteb lill-Ispeaker biex jitolbu jinvestiga l-kontenut tat-tweġibiet mill-Ministru Clifton Grima għal numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari li sarulu wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għażel li ma jinvestigax ilment li sar fil-konfront tal-Ministru Grima.
Kien allegat li l-Ministru żgwida lill-Parlament bit-tweġibiet dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ awditjar li suppost sar u li fuqu kellha tkun iddeterminata d-deċiżjoni għal estensjoni b’ħames snin oħra tal-liċenzja tal-American University of Malta (AUM), li ngħatat f’Awwissu 2022.
Fit-tweġibiet tiegħu, il-Ministru għamel referenza għar-rapport ibbażat fuq l-‘institutional audit’ li sar f’Ottubru 2020, li qal kien aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-MFHEA. Dan ir-rapport diġà kien il-bażi għad-deċiżjoni meħuda fl-2021, li rat il-liċenzja estiża għal sena waħda biss minħabba li f’dan l-‘audit’, l-AUM falliet f’ħafna mill-istandards fl-evalwazzjoni li saritilha.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna’ li l-Ispeaker jaqdi dmiru kif mitlub minnu u jiddefendi d-dritt li nsiru nafu l-verità. Id-dritt li Deputati jirċievu tweġibiet veritieri u f’waqthom għall-Mistoqsijiet Parlamentari li jagħmlu.
//= $special ?>