U hekk kif il-ġimgħa dieħla pajjiżna jfakkar is-sitt anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħodu, l-għaqda Repubblika preżentat 20 proposta li huma intiżi favur il-ġid komuni filwaqt li jkomplu jgħinu fil-ġlieda kontra l-abbuż f’pajjiżna.
Repubblika qalet illi għall-problemi li jitkellmu fuqhom hemm diversi soluzzjonijiet u dawn l-20 huma biss il-bidu sabiex id-demokrazija terġa’ tirrenja f’pajjiżna.
F’kummenti ma’ Net News il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina tkellem dwar uħud mill-proposti fejn fost l-oħrajn saħaq fuq l-importanza li titwaqqaf aġenzija kontra l-korruzzjoni. Dan għaliex il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ilha 32 sena, u qatt ma kkundannat lil ħadd – turija ċara li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhux qed jaħdmu.
Apparti minn hekk, Robert Aquilina aċċenna fuq l-importanza illi pajjiżna jkollu xandir nazzjonali li huwa imparzjali fejn kulħadd ikollu l-opportunità li jsemma’ leħnu kif ukoll li jkollna liġi li verament tipproteġi lill-ġurnalisti.
Il-proposti kollha bil-għan li pajjiżna jkollu Repubblika nadifa jinkludu:
- li l-Parlament jgħasses fuq il-Gvern, kif ukoll li l-Membri Parlamentari jkunu full-time.
- Sorveljanza minn ċittadini għall-imġieba ta’ nies fil-ħajja pubblika
- Li tinħoloq aġenzija biex tiġġieled il-korruzzjoni
- Li l-whistle-blowers jingħataw protezzjoni vera
- Il-Maġistrati Inkwirenti jkunu full-time u li jkollhom taħthom Pulizija ġudizzjarja bil-poter li jiġbru l-provi
- Il-prosekuzzjoni għandu jkollha l-aqwa avukati tal-pajjiż, hekk kif ir-rata ta’ suċċess mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali hija waħda baxxa ħafna
- Il-partiti politiċi jinħarġu minn bwiet ftit kuntratturi
- Il-ħatriet pubbliċi għandhom ikunu miftuħa għall-persuni b’esperjenza u mhux għal dawk li huma qrib xi ministru jew partit
- Daqshekk ċittadinanza għall-bejgħ
- Li f’pajjiżna jkun hawn liġi kontra l-kriminalità organizzata
- Il-ġid inspjegabbli jkun ikkonfiskat
- Il-ġid ikkonfiskat mill-kriminalità jintradd lura u jintuża għal inizjattivi soċjali
- Li jkollna xandir tassew pubbliku u ħieles mill-Gvern
- Separazzjoni bejn partiti politiċi u l-mezzi tax-xandir
- Regoli ġusti għall-infieq tal-Gvern fil-media
- Protezzjoni minn kawżi biex jagħlqu ħalq il-ġurnalisti
- Insaffu l-elezzjonijiet mill-korruzzjoni
- L-abbuż tal-poter għandu jkun ikkastigat
- Li min ixekkel il-ġustizzja għandu jkun ikkastigat
- u li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu awtonomi b’poteri varji sabiex itejbu ħajjet in-nies.