Futbol Sport

It-Tim Nazzjonali Malti jasal f’Bari għall-konfront ta’ nhar is-Sibt li ġej kontra l-Italja

L-iskwadra ta’ plejers magħżula mill-kowċ nazzjonali Malti, Michele Marcolini il-Ħamis filgħaxija waslet f’Bari, l-Italja għall-partita li Malta jmissha tilgħab mill-Grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2024, nhar is-Sibt li ġej, fid-8:45pm kontra l-Italja, fi Stadio San Nicola.

Din se tkun l-għaxar darba fl-istorja li Malta u l-Italja se jkunu qed jilagħbu kontra xulxin, bil-konfronti kollha kienu f’partiti kompetittivi u li kienu mirbuħa dejjem mill-Azzurri. Jumejn qabel din il-logħba ferm diffiċli għall-Maltin, l-ambjentazzjoni fl-iskwadra nazzjonali hi waħda normali, bil-kowċ Marcolini kellu jagħmel il-vjaġġ lejn Bari mingħajr il-plejers Teddy Teuma u Jodi Jones li jilagħbu fi Franza u l-Ingilterra rispettivament, wara li dawn it-tnejn ma rkuprawx fil-ħin għall-logħba ta’ nhar is-Sibt.

Marcolini qed jittama li jirkupra lil dawn it-tnejn għal logħba ta’ wara din, ċioé nhar it-Tlieta li ġej kontra l-Ukrajna fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali. Fl-istess waqt għall-partita ta’ kontra l-Italja, Malta se jkollha assenti ukoll lil Steve Borg, il-captain tat-tim nazzjonali, li se jkun qed jiskonta sosepensjoni ta’ logħba waħda wara li fl-aħħar dehra tiegħu, kontra l-Maċedonja ta’ Fuq f’Ta’Qali, ix-xahar li għadda, hu ntwera t-tielet karta safra f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni.

Il-Ħamis filgħodu il-Maltin tħarrġu filgħodu qabel il-vjaġġ tagħhom lejn Bari, u għada l-iskwadra tagħna mistennija jkollha l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ, fis-5:45pm, fuq il-ħaxix tal-istess stadium li se jkun qed jospita din il-logħba, Stadio Comunale San Nicola, liema stadium kien inawgurat fl-1990 u kien iddisinjat mill-arkitet ta’ fama mondjali, Renzo Piano; l-istess perit li bena l-Parlament ta’ Malta. L-istadium ta’ nhar is-Sibt għandu attendenza ta’ ftit anqas minn 60,000 spettatur, liema attendenza se tkun qed tinkludi wkoll numru sabiħ ta’ partitarji Maltin li għamlu jew se jkunu qed jagħmlu l-vjaġġ tagħhom lejn din il-logħba flimkien mal-grupp tas-South End Core.