Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani daħlet fis-sitt jum u bl-Istati Uniti qed tagħmilha ċara li għandha tappoġġja ‘mija-fil-mija’ lil Iżrael fil-konfront tat-terroristi tal-Hamas….Terroristi li fi tmiem il-ġimgħa massakraw il-mijiet ta’ ċivili wara li qasmu għal Iżrael mill-fruntiera u bis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken , jenfasizza li l-Hamas ‘għandu biss tir wieħed partikulari li jinvolvi l-qtil tal-Lhud minbarra l-qerda ta’ Iżrael.
Blinken, li fl-aħħar sigħat kien qed iżur Iżrael, ħalef, waqt diskors f’Tel Aviv, li l-Istati Uniti mhix se żżomm lura mill-appoġġ għall-Iżraeljani waqt l-akbar kriżi għal snin fir-reġjun tal-Lvant Nofsani fejn mhux eskluż li jinfetħu anki l-fronti tal-gwerra ġodda.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan qal ukoll, waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li kulmin irid il-paċi u l-ġustizzja għandu jikkundanna lir-renju tat-terrur tal-Hamas. Dan meta ħafna qed ixebbħu l-massakri tal-Iżraeljani fi tmiem il-ġimgħa l-oħra mal-attakki storiċi tal-2001 mit-terroristi tal-Al-Qaeda kontra l-Istati Uniti.
Fil-preżent. It-terroristi tal-Hamas qed iżommu talanqas 150 ostaġġ Iżraeljani li ħaduhom magħhom lejn Gaza waqt l-attakki tas-Sibt f’Iżrael….Attakki li swew il-ħajja ta’ madwar 1,300 Iżraeljan – fil-parti kbira ċivili li spiċċaw immassakrati fi djarhom.
Fl-istess ħin, mietu ammont simili ta’ residenti fil-Medda ta’ Gaza meta l-Armata u l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani jinsabu għaddejjin bil-burraxka tal-missili fuq it-territorju – b’talanqas 340,000 jispiċċaw jgħixu bħar-refuġjati fl-istess inħawi.
Sadanittant, Antony Blinken wissa li Iżrael għandu jieħu l-prekawzjonijiet li jirrispettaw il-ħajja taċ-ċivili ta’ kwalunkwe nazzjonalità. Hawnhekk ukoll, is-Segretarju tal-Istat enfasizza li Iżrael qatt mhu se jiffaċċja l-aggressjoni waħdu dment li għadha teżisti l-Istati Uniti li hi wkoll l-akbar alleata tal-Lhud.
F’din il-konferenza tkellem anki Benjamin Netanyahu li qabel mal-President tal-Istati Uniti Joe Biden li kien fisserl lill-Hamas bħala ‘xempju tal-ħażen’. Netanyahu kompla li l-Hamas għandu jkun trattat l-istess bħall-grupp terroristiku ISIS u li bl-ebda mod mgħandu jitqies fuq l-istess binarju tal-pajjiżi li jirrispettaw il-ħajja.
‘Dan hu ż-żmien fejn iridu nieqfu lill-ħażen u meta Iżrael u l-Istati Uniti se jkunu fuq quddiem f’din ir-reżistenza,’ enfasizza Netanyahu.
Fil-fatt, u waqt li qabel kien qed imexxi l-ewwel laqgħa tal-Gvern ġdid ta’ Emerġenza f’Iżrael, Netanyahu qal li kull membru tal-Hamas għandu jqis ruħu ‘minn issa’ bħala bniedem mejjet – bil-Kap tal-Oppożizzjoni Iżraeljana Benny Gantz jinsisti li dan huwa żmien ‘indiskutibbli’ għall-gwerra.
//= $special ?>