Lokali Parlament

L-Air Malta tingaġġa konsulenti barrani b’kuntratt ta’ €200,000 fix-xahar

Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta ingaġġat ditta ta’ konsulenza bbażata f’Abu Dhabi bi ħlas ta’ €200,000 fix-xahar, propju wara li l-gvern iddikjara din il-kumpanija falluta, qed iħejji biex jagħlaqha u jniedi linja tal-ajru nazzjonali ġdida.

Il-kuntratt ma’ Knighthood Global tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fil-Parlament nhar l-Erbgħa bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.

Knighthood Global toffri servizzi ta’ konsulenza dwar in-negozju b’enfasi partikolari fuq l-avjazzjoni.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega li Knighthood Global kienet ingaġġata b’kuntratt temporanju biex tipprovdi pariri ta’ natura finanzjarja u strateġika.

Il-kumpanija qed tassisti lill-maniġment tal-linja tal-ajru fl-implimentazzjoni tal-pjan tan-negozju l-ġdid tal-linja tal-ajru l-ġdida u kienet qed tipprovdi wkoll persuna b’esperjenza fis-settur tal-avjazzjoni fi rwol temporanju.

Il-kuntratt, iffirmat f’Ġunju 2022 u estiż f’Jannar, jiskadi fl-aħħar tal-2023. Knighthood Global bdiet tipprovdi servizzi ta’ konsulenza fl-1 ta’ Jannar 2022.

Skond il-kuntratt, Knighthood Global ġiet inkarigata li tiżgurar tad-diskontinwità ekonomika bejn il-linja tal-ajru l-antika u dik ġdida, li tassisti d-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea, li tgħin fil-formulazzjoni ta’ pjan tan-negozju ta’ ħames snin, li tappoġġja għall-iżvilupp ta’ netwerk u pjan tal-flotta, li tirrevedi l-finanzjament meħtieġ mil-linja tal-ajru l-ġdida, li tgħin fl-iżvilupp ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni, fil-bidla fil-prattiki tax-xogħol biex jinġiebu konformi mal-istandards tal-industrija u fil-konfigurazzjoni ta’ sistema ta’ kontabilità finanzjarja.

Il-kuntratt oriġinali ġie ffirmat miċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Knighthood Global, James Hogan u ċ-Chairman tal-Air Malta David Curmi. L-estensjonijiet ġew iffirmati mill-Kap Eżekuttiv ta’ Knight James Rigney, li ġie rilokat Malta biex jaħdem fuq il-proġett.