Internazzjonali

L-Istati Uniti: Il-Kamra tar-Rappreżentanti fi stat ta’ limbu, ġranet sħaħ wara t-tkeċċija ta’ McCarthy

L-Istati Uniti: Jiem ta’ paraliżi għall-Kamra tar-Rappreżentanti

Fl-aħħar sigħat kien għad hemm dubji dwar il-futur ta’ Steve Scalise li qed jittama li jilħaq Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington u b’hekk jikkonkludi perjodu ta’ paraliżi li ilha għal ġranet fil-kamra t’isfel tal-Kungress Amerikan….Paraliżi li ilha mindu Kevin McCarthy – membru tal-Partit Repubblikan l-istess bħal Scalise – kien tkeċċa mill-kariga wara vot influwenzat mill-konservattivi fi ħdan il-partit tiegħu stess.

Intant – u waqt li r-Repubblikani vvutaw biex jappoġġjaw lil Scalise (ritratt)  bħala Speaker tal-Kamra – ma kienx ċar hekk hu għandux appoġġ biżżejjed għal maġġoranza assoluta. Dan minkejja li Scalise għeleb lill-konservattiv Jim Jordan waqt vot privat li ttieħed fost ir-Repubblikani u meta hu, issa, għandu biċċa xogħol diffiċli biex inaqqas mid-diżgwid intern fost il-membri ta’ dan il-partit.

 Ir-Repubblikani għandom biss maġġoranza żgħira fil-Kamra tar-Rappreżentanti u li jfisser li Scalise jista’ jitlef biss l-appoġġ ta’ ħames membri tal-partit tiegħu.

Sal-bieraħ lanqas ma kien ċar jekk kellux isir vot ieħor f’din il-Kamra u f’sitwazzjoni fejn Scalise għandu jaċċerta mir-rwol ta’ Speaker f’każ li hu jirbaħ l-appoġġ ta’ 217-il membru – jew maġġoranza sempliċi.

Dan ukoll wara li r-Repubblikani ma setgħux isibu ‘soluzzjoni immedjata’ wara t-tkeċċija ta’ McCarthy fost il-battibekki dwar suċċessur denju għall-eks Speaker tal-Kamra.