GRUPP A:
L-Iskozja sofrew l-ewwel telfa tagħhom fi Grupp A tal-fażi tal-kwalifikazzjoni għall-EURO 2024 kontra Spanja bl-iskor ta’ 2-0.
L-attakkant ta’ Atletico Madrid Alvaro Morata fetaħ l-iskor għall-Ispanjoli wara 73 minuta logħob minn kross tad-difensur laterali Jesus Navas, bl-attakkant jixħet ġewwa b’daqqa ta’ ras kalma.
Spanja kkonfermaw ir-rebħa fis-86 minuta permezz ta’ auto-gowl tad-difensur Skoċċiż Ryan Porteous li sab ix-xibka tiegħu stess meta pprova jinterċetta u jiklerja kross baxx fil-kaxxa ż-żgħira.
Sapnja issa jinsabu fit-tieni post, b’12 il-punt filwaqt li Skozja żammu l-ewwel post minkejja t-telfa u kisbu 15 il-punt f’6 partiti.
Fit-tielet post ta’ Grupp A jinsabu n-Norveġja li ħarġu rebbieħa fil-konfront tagħhom kontra ċ-Ċipru bl-iskor meritat ta’ 4-0.
Alexander Sorloth sab ix-xibka l-ewwel wara 33 minuta logħob, bin-Norveġiżi jistennew sat-tieni taqsima biex jiskorjaw il-kumplament tal-gowls.
Doppjetta tal-istilla Erling Haaland, bil-gowls jaslu fis-66 minuta mis-suġġeriment ta’ Aursens kif ukoll ftit minuti wara mill-pass ta’ Nusa.
L-aħħar gowl tal-partita wasal minn l-istess Fredrick Aursnes li ftit minuti wara ħoloq l-azzjoni tal-ewwel gowl ta’ Haaland.
GRUPP D:
Fi Grupp D it-Turkija telgħu fl-ewwel post b’rebħa kruċjali fuq il-Kroazja ta’ 1-0, biex b’hekk wieħed jista jgħid li jinsabu kważi sieq ġewwa fil-EURO 2024.
Il-gowl deċiżiv wasal wara nofsija logħob minn Baris Yilmaz.
Fl-ewwel konfront tal-ġurnata, Latvja għelbu lill-Armenja f’darhom bl-iskor ta’ 2-0 b’gowl f’kull taqsima. Dawn kienu l-ewwel tlett punti għal Latvja wara 6 partiti fi Grupp D.
Il-gowls waslu minn Janis Ikaunieks fid-39 minuta u minn Daiels Balodis fit-68 minuta. Latvja xorta kisbu t-tlett punti minkejja li fit-53 minuta spiċċaw jilagħbu b’għaxra hekk kif tkeċċa Marcis Oss.
GRUPP E:
Tkompli ukoll il-forma impekkabli tat-tim Nazzjonali Albaniż hekk kif ma sabu l-ebda diffikultà jegħlbu lir-Repubblika Ċeka bl-iskor ta’ 3-0.
Jasir Asani kien l-iskorer tal-ewwel gowl mill-pass ta’ Ramadani, bl-isfortuna tal-avversarj itkompli tikber wara 40 minuta hekk kif Mojmir Chytil akkumula t-tieni karta safra tiegħu tal-partita u ħalla lit-tim tiegħu jilagħab b’10 plejers għat-tieni taqsima kollha.
Żewġ gowls ta’ Emir Sulejmanovic fit-tieni taqsima kkonfermaw ir-rebħa tant importanti għall-Albanja.
Fil-partita l-oħra fi Grupp E, il-Polonja telgħu fit-tieni post taħt l-Albanja, hekk kif għelbu lill-Gżejjer Faroe 2-0 barra minn darhom fl-ewwel partita taħt it-tmexxija ta’ Michail Probierz.
Gowls f’kull taqsima min Sebastian Szymanski fis-17-il minuta u Adam Buksa fil-65 minuta kkonfermaw ir-rebħa.
GRUPP I:
Fi Grupp I, ir-Rumanija issa jinsabu fit-tieni post wara l-parità bla gowls kontra l-Belarus, filwaqt li Kosovo kisbu l-ewwel tlett punti tagħhom b’rebħa ta’ 3-0 fuq l-Andorra.
Żewġ gowls ta’ Milot Rashica u gowl ta’ Alltin Zeqiri kienu biżejjed għat-tlett punti.
Illum
Grupp A:
Ċipru v Norveġja 0-4
Spanja v Skozja 2-0
Grupp D:
Latvja v Armenja 2-0
Kroazja v Turkija 0-1
Grupp E:
Albanija v Rep. Ċeka 3-0
Gżejjer Faroe v Polonja 0-2
Grupp I:
Andorra v Kosovo 0-3
Belarus v Rumanija 0-0
Iżrael v Żvizzera posposta
Għada
Grupp B:
Irlanda v Greċja 8:45pm
Olanda v Franza 8:45pm
Grupp F:
Estonja v Ażerbajġan 6:00pm
Awstrija v Belġju 8:45pm
Grupp J:
Iżlanda v Lussemburgu 8:45pm
Liechtenstein v Bożnja 8:45pm
Portugall v Slovakkja 8:45pm