L-Awtoritajiet tal-infurzar qed jibqgħu għaddejjin bl-ispezzjonijiet tat-traffiku fit-toroq Maltin
u Għawdxin.
L-entitajiet qed jingħaqdu wkoll b’mod kontinwu għal spezzjonijiet tat-traffiku konġunti. Tul
il-lejl tal-Erbgħa, l-ispezzjonijiet tat-traffiku ssuktaw fil-Marsa/Ħamrun by-pass, u li kienu
koordinati mill-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ Transport Malta, Jobs Plus u s-Servizzi tad-Detenzjoni.
Bħal f’okkażjonijiet oħra, l-biċċa l-kbira tal-vetturi spezzjonati rriżultaw li x-xufiera kienu qed
josservaw ir-regolamenti tat-traffiku, u vetturi li huma skont l-istandards adegwati.
Tard l-Erbgħa filgħaxija twaqqfu madwar 90 vettura, li minnhom irriżultaw kontravenzjonijiet
marbuta ma’ vetturi bla pjanċi tar-reġistrazzjoni u b’liċenzji invalidi, oħrajn li kellhom ħsarat
fil-vetturi li jagħmluhom ta’ periklu biex jinstaqu u li minnhom 7 vetturi ġew irmunkati, bi 3
vetturi oħra konfiskati għax ma kellhomx reġistrazzjoni Maltija, filwaqt li saru wkoll testijiet
tan-nifs għal xufiera li jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol.
Ma’ dawn 3 persuni kienu arrestati għax irriżulta li kienu qed jgħixu f’Malta b’mod irregolari.
Xufier ieħor kien arrestat wara li prova jaħrab l-ispezzjonijiet, u rriżulta wkoll li ma kellux
liċenzja tas-sewqan u polza ta’ assikurazzjoni, waqt li l-liċenzja tal-vettura ma kienitx imħallsa.
Il-Pulizija jtennu s-sodisfazzjon tagħhom li jaraw li fit-toroq tagħna jibqa’ jkollna xufiera li
jobdu r-regoli tat-traffiku, b’sens ċiviku tajjeb. Il-Korp tal-Pulizija jgħid ukoll li l-awtoritajiet tal-infurzar qed jingħaqdu b’mod kontinwu bil-għan li f’Malta u f’Għawdex jibqa’ jkun hawn toroq
siguri. L-appell jibqa’ dejjem biex ikunu mħarsa r-regolamenti għax jekk kulħadd jieħu ħsieb
xulxin, ikunu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa.