Lokali

Tnedija tal-Akkademja għan-Nisa Imprendituri

L-Akkademja għan-Nisa Imprendituri issa daħlet fit-tielet sena tagħha. Dan il-programm jipprovdi lin-nisa imprendituri madwar id-dinja bl-għarfien, in-networks u l-aċċess meħtieġa sabiex jibdew u jkabbru negozji ta’ suċċess.

Il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jidħlu f’kompetizzjoni għal somma flus biex jinvestu fin-negozji tagħhom billi jressqu pjanijiet ta’ negozju li żviluppaw permezz tat-taħriġ li jingħataw mill-programm.

Waqt din it-tnedija, id-Deputat Kap fl-Ambaxxata Amerikana Ken Toko qal li dan il-programm huwa ta’ benefiċċju sabiex in-nisa li għandhom idea ta’ negozju jagħmluha realtà. Dan filwaqt li qal li dejjem ikun ta’ pjaċir għall-Ambaxxata li tissieħeb mal-Kamra tal-Kummerċ sabiex in-nisa jkollhom l-aqwa taħriġ possibbli.

Minn naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Chris Vassallo Cesareo għadda messaġġ ta’ kuraġġ lil dawk preżenti filwaqt illi sostna li dawn jirrapreżentaw il-futur tan-negozji f’Malta filwaqt li jemmen fil-ħila tagħhom li żgur se tħalli impatt sinifikanti.

Waqt it-tnedija tkellmet ukoll ir-rebbieħa tas-sena li għaddiet li qalet li din l-esperjenza kienet pożittiva ħafna għaliha. Apparti minn hekk, hija appellat lill-parteċipanti ta’ din is-sena sabiex ma jaqtgħu qalbhom qatt.

Il-programm tal-Akkademja għan-Nisa Imprendituri huwa implimentat kważi f’mitt pajjiż u għen ‘il fuq minn 25,000 nisa imprendituri sabiex ikabbru n-negozji tagħhom.