Kultura Lokali

‘ŻIGUŻAJG’ – Ċelebrazzjoni vibbranti ta’ arti għat-tfal u ż-żgħażagħ

Minn produzzjonijiet teatrali li jsaħħru għal prestazzjonijiet mesmerizzanti ta’ żfin u wirjiet ta’ arti viżiva.

Dan huwa dak li din is-sena se joffri lill-pubbliku l-festival tant mistenni Żigużajg, festival immirat fost l-oħrajn għat-tfal u żgħażagħ. li se jsir bejn l-10 u d-19 ta’ Novembru.

L-għan ta’ dan il-festival, li din se tkun it-13-il edizzjoni tiegħu, huwa li tinbet xrara ta’ ispirazzjoni fil-qlub u l-imħuħ tat-tfal u ż-żgħażagħ permezz tal-qawwa tal-arti. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta, id-Direttriċi tal-festival Marta Vella qalet li Żigużajg minn dejjem kien festival ta’ inklużjoni u aċċessibbli għal kulħadd. Dan hekk kif kull tifel u tifel irrispettivament mill-isfond jew l-abbiltajiet tagħhom, jistħoqqilhom l-opportunita li jesperjenzaw is-setgħa trasformattiva tal-arti.  

Marta Vella spjegat kif matul dan il-festival se jkun hemm 16-il attività differenti, b’14-il produzzjoni u 2 films, immirati għal tfal ta’ kull età.

Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Keattivita  Rupert Cefai stqarr li festival bħal dan iservi bħala ċavetta għall-ġenerazzjonijiet futuri biex jimirħu f’dan is-settur artistiku. Festival li din is-sena se jkollu wieħed mill-aktar programmi affaxinanti mimli b’talent u immġanazzjoni bla limit li se jsaħħru lill-udjenza.

Il-booking għal dawn l-attivitajiet jinsab miftuħ u wieħed jista’ jagħmel dan billi jidħol fis-sit elettroniku ziguzajg.org jew mir-reception prinċipali ta’ Spazju Kreattiv fil-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt Valletta.