Internazzjonali

Franza: Ikomplu l-investigazzjonijiet dwar ‘terroriżmu’ fi skola ta’ Arras

L-awtoritajiet fi Franza ma jeskludux li l-qtil brutali, illum, ta’ għalliem fi skola taħt idejn aggressur armat b’sikkina seħħ għal raġunijiet terroristiċi….Dan meta talanqas żewġ persuni spiċċaw midruba gravi fl-istess attakk, bl-aggressur – ta’ oriġini Ċeċena — jispiċċa arrestat ftit tal-ħin wara mill-pulizija li wieġbu minnufih għall-emerġenza.

L-iskola tinsab fil-belt ta’ Arras, lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Franza, u x-xhieda li raw l-attakk iseħħ qalu li l-aggressur beda jgħajjat ‘Allahu Akbar’ waqt id-dagħdigħa ta’ vjolenza li nisslet paniku kbir f’dan il-kumpless.

L-aggressur, eks-student tal-iskola li għandu taħt it-30 sena, hu magħruf mal-Pulizija għall-involviment tiegħu mal-entitajiet Iżlamiċi radikali. Madankollu – u waqt li hemm tensjoni kbira fost il-komunitajiet Musulmani fi Franza minħabba l-gwerra li għaddejja bħalissa bejn Iżrael u l-Hamas – il-pulizija ma sabu l-ebda rabta konkreta bejn il-qtil fl-iskola u l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani.

L-aħħar rapporti konfermaw li l-għalliem maqtul kien jgħallem il-Franċiż u li fost il-midruba fl-attakk hemm għalliem ieħor flimkien ma’ gwardjan tas-sigurtà.

Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, bħalissa qed ikun aġġornat kontinwament dwar l-iżviluppi f’Arras. Dan waqt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Franċiż fetaħ investigazzjoni dwar ‘omiċidju assoċjat ma’ intrapriża terroristika’, bil-feriment tal-għalliem u l-gwardjan ukoll qed ikun trattat bħala ‘aġir bi skop terroristiku’.