Internazzjonali

Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani: Stennija għall-offensiva kbira mill-art fuq Gaza

Il-qawwiet ta’ Iżrael għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet għall-attakk finali mill-art bil-ħsieb li jikinsu lill-‘aħħar terroristi’ tal-Ħamas mill-Medda ta’ Gaza. Dan bi tpattija għat-terroriżmu ta’ ġimgħa ilu – imwettaq mill-istess Ħamas – li rriżulta fil-qtil ta’ ċivili innoċenti qalb il-komunitajiet u villaġġi Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Numru ta’ sorsi mhumiex identifikati ma eskludewx li l-offensiva kbira fuq Gaza setgħet kienet ‘sigħat biss’ ‘il bogħod  u meta għaddej eżodu ta’ ċivili mit-Tramuntana ta’ Gaza biex huma ma jinqabdux fost il-furja tal-attakk ‘kważi imminenti’ mill-Iżraeljani.

Hu wkoll sinifikanti li l-awtoritajiet Iżraeljani wissew liċ-ċivili f’Gaza biex jitilqu mit-territorju mill-aktar fis u meta bħalissa qed jispikkaw is-sriebet tal- Palestinjani ħerġin ‘il barra mit-territorju permezz tal-vetturi u anki bil-mixi.

It-twissija mill-Iżraeljani hi valida għal aktar minn 1.1 miljun resident fl-inħawi lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza. U waqt li l-Iżraeljani rikonoxxew li l-24 siegħa allokati għall-eżodu huma ‘ftit wisq’, dawn qed jakkużaw lit-terroristi tal-Ħamas b’li qed jagħmlu l-pressjoni maċ-ċivili ta’ Gaza biex jibqgħu fejn qegħdin.

Filwaqt li diversi pajjiżi qed jingħaqdu f’simpatija mal-Iżraeljani li ġarrbu l-akbar attakk terroristiku mindu twaqqaf  l-Istat ta’ Iżrael, in-Nazzjonijiet Uniti hi partikularment imħassba dwar il-kriżi umana potenzjali f’Gaza u l-madwar tat-territorju.

Dan fost l-appelli lil Iżrael biex ma jimponix l-ultimatums għall-eżodu tal-familji mill-inħawi ta’ Gaza …Familji li x’aktarx iridu jkunu suġġetti għal aktar sigħat kontinwi ta’ bumbardamenti bla heda.