Il-Gvern nesa t-tbatijiet tal-poplu, li kuljum qed jgħixu l-isfidi tal-għoli tal-ħajja u li mhux ikunu indirizzati. Qed naraw Gvern li qata’ qalbu u li mhux konxju tar-realtajiet ta’ bosta li mhux ilaħħqu mhux biss sal-aħħar tax-xahar, imma lanqas biss sal-aħħar tal-ġimgħa.
Dan sostnih il-PN, fi stqarrija maħruġa mid-deputat Albert Buttigieg.
Għax il-Gvern m’għandux idea, issa qed jipponta subgħajh lejn l-imprendituri u n-negozji Maltin u x-xewqa tal-MEP Laburista Alex Agius Saliba biex il-Kummissjoni Ewropea tinvestiga lill-importaturi Maltin hi konferma ta’ dan. Azzjoni li turi li anke dawk qrib Robert Abela tilfu l-fiduċja fil-Gvern tagħhom stess li jista’ jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja. Dan kollu hu stampa reali ta’ kemm il-Gvern mhux konxju tan-nuqqasijiet tiegħu.
Malta jixirqilha tmexxija li toffri ħajja aħjar f’pajjiżna. Li toffri assigurazzjoni u serħan il-moħħ.
Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan ekonomiku għal ħajja aħjar f’pajjiżna.
• Iż-żieda tal-COLA m’għandhiex tkun taxxabbli;
• Il-Gvern għandu jagħti ‘tax credits’ lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA;
• Għandu jinħoloq Fond Nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt tal-għoli tal-ħajja;
• Mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur u s-snin jagħti s-soluzzjonijiet għal dan, bħat-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda fl-għoli tal-ħajja u li n-negozji għandhom jingħataw inċentivi meħtieġa.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jsostni li jeħtieġ pjan ekonomiku ċar, li jagħti nifs lill-Maltin u lill-Għawdxin, fosthom li jinħolqu setturi ġodda.
Jeħtieġ politika li mhux tibbaża fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni, imma pjan li jħares fit-tul u jkun sostenibbli, fejn ikun hawn bilanċ.
//= $special ?>