Lokali Qorti

Infermier jgħid li Filippina ‘mhux kwalifikata’ m’għandhiex titħalla teżerċità l-professjoni

Infermier Malti qed isostni li l-Kunsill għall-Infermiera u l-Qwiebel ta liċenzja lil mara Filippina li għalkemm mhix kwalifikata biex taħdem fil-Filippini, tħalliet teżerċita l-professjoni f’Malta. Denis Tanti infermier reġistrat kien qajjem il-kwistjoni mal-kunsill. iżda l-iskambju ta’ komunikazzjoni wera li kien kollu għalxejn bil-kunsill allegatament injora t-talbiet ta’ Tanti, u wassal biex jieħu l-ilment tiegħu quddiem il-qrati.

Permezz ta’ protest ġudizzjarju mressaq quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili, Tanti qed isostni li għalkemm il-mara qalet li hi nfermiera gradwata f’pajjiżha, hi qatt ma kienet kwalifikata biex tipprattika l-professjoni taħt il-liġi Filippina.

Għalhekk ma ssodisfatx ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Att dwar il-Professjonijiet tal-Kura tas-Saħħa li speċifikament jgħid li ħadd ma jista’ jipprattika l-professjoni ta’ infermiera sakemm ma jkunx “ċittadin ta’ Malta jew ta’ Stat Membru jew inkella jkun legalment intitolat jew awtorizzat li jaħdem f’Malta. ”.

Peress li l-mara ma kinitx kwalifikata biex taħdem bħala infermiera fil-Filippini, il-kunsill qatt ma kellu jagħtiha liċenzja u u jżid isimha fir-reġistru, flimkien ma’ infermiera oħra kwalifikati uffiċjalment bħalu, ipprotesta Tanti.

Wara li fallew fit-tentattivi kollha preċedenti biex il-kunsill jieħu azzjoni, Tanti issa qed jitlob lil dak l-istess kunsill kif ukoll lill-Ministru tas-Saħħa biex iħassru isem il-mara mir-reġistru tal-infermiera. Tanti qed iwissi lill-partijiet li jekk jonqsu milli jagħmlu dan, iżommhom responsabbli għad-danni li x’aktarx isofri bħala membru tal-professjoni kwalifikat u reġistrat b’mod sħiħ. L-Avukat Anne Marie Mangion iffirmat il-protest ġudizzjarju.