Sport Sport Ieħor

L-eks goalkeeper ta’ Chelsea u Arsenal Petr Cech jiddebutta fl-Ice Hockey ma’ Oxford City Stars

Il-goalkeeper leġġenda ta’ Chelsea, li fl-aħħar tal-karriera tiegħu lagħab ukoll għar-rivali ta’ Londra Arsenal, iddebutta bħala goalkeeper ta’ Oxford City Stars, iżda din id-darba fl-Ice Hockey.

Fid-debutt tiegħu kontra Solent Devils, Oxford sfaw megħluba 4-2 iżda kellhom prestazzjoni tajba wara li fil-partita ta’ qabel kienu megħluba 6-0 minn Slough Jets.

Cech kellu biċċa xogħol iebsa mhux ħażin fid-debutt tiegħu speċjalment fl-ewwel taqsima meta wettaq saves importanti fuq Steve Osman u Cain Russell biex l-ewwel taqsima intemm 0-0.

Il-goalkeeper ta’ 41 sena sofra l-ewwel gowl wara 2 minuti mill-bidu tat-tieni taqsima biex wara taqsima kumbattuta l-partita spiċċat 4-2 favur Solent.

Wara l-konfront Cech qal li kienet okkażjoni speċjali u li kienet logħba tajba minn naħa ta’ Oxford, meta wieħed jikkunsidra li l-avversarji spiċċaw fit-tieni post fil-klassifika u fil-finali tal-paly-off l-istaġun li għadda.

Dwar il-prestazzjoni ta’ Cech, il-kowċ ta’ Oxford Simon Anderson qal li ċ-Cek kellu x’jagħmel mhux ħażin fid-debutt tiegħu u li l-esperjenza u l-personalità tiegħu isserraħ ras u tikkalma lil plejers l-oħra tat-tim.