Ambjent Lokali

Multi għal min jinqabad jarmi l-iskart fil-boroż il-ħżiena

Minn nhar il-Ħadd, jibdew il-multi – fi kliem sempliċi, jibdew iċ-ċitazzjonijiet għal persuni u n-negozji li jinqabdu jarmu l-iskart fil-boroż il-ħżiena.

L-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA spjegat li għan-nies l-ewwel offiża tkun ta’ twissjia. Imbgħad, it-tieni darba teħel multa ta’ €25 u tielet offiża tkun tfisser multa ta’ €50.

Fil-każ tan-negozji – wara l-ewwel twissija jiġu mmultati €75, u għat-tielet offiża jiġu mmultati €150.

L-ERA qalet ukoll li se jibqgħu japplikaw il-multi ta’ €150 għal min joħroġ il-boroż tal-iskart fil-ġranet il-ħżiena, hekk kif avżat li se jkomplu għaddejjin bl-ispezzjonijiet sabiex jassiguraw li l-familji u negozji jisseparaw l-iskart kif suppost… il-borża l-bajda għall-iskart organiku, il-borża l-ħadra jew il-griża għall-iskart riċiklabbli u l-borża s-sewda għal skart ieħor.

Fi stqarrija l-ERA qalet ukoll li minn Lulju tas-sena d-dieħla, se jibdew jintużaw mill-konsumaturi boroż suwed trasparenti ħalli l-uffiċjali jkunu jistgħu jispezjonaw il-boroż mingħajr ma jiftħuhom. Madanakollu tenniet li skond il-liġi l-uffiċjali għandhom is-setgħa li jfittxu fl-iskart tan-nies u jiftħu l-boroż … sabiex jaraw jekk l-iskart huwiex qed jiġi isseparat kif suppost.

L-ERA ħeġġet lill-kulħadd sabiex jissepara l-iskart kif suppost. Iżda imkien ma saret referenza għall-fatt li l-Gvern irid li n-nies jiffriżaw l-iskart organiku – policy li qatt ma ġiet irtirata.