Lokali

Roberta Metsola żżur żoni milquta mill-attakki terroristiċi tal-Hamas

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tinsab f’Iżrael. Hija kkundannat l-atti terroristiċi mwettqa mill-Hamas li ħallew mijiet ta’ persuni mejta. Żiedet li l-Hamas hu grupp terroristiku u ma jirrapreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan. Il-President Metsola appellat biex in-nies li jridu jitilqu jingħataw iċ-ċans li jagħmlu dan b’mod sikur.

F’Iżrael, mal-President Metsola kien hemm ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. L-MEP Maltija qalet li l-atti terroristiċi tal-Hamas jeħtieġ jieqfu waqt li għandu jsir kull sforz biex jiġu mitigati il-konsegwenzi umanitarji li jistgħu jiżviluppaw.

Waqt żjara li għamlet mal-ispeaker tal-Parlament Iżraeljan Amir Ohana f’Kfar Azza, post li safa fil-mira tal-attakki terroristiċi tal-Hamas, hija setgħet tara dak li fadal minn villaġġ li sa nhar is-Sibt kien mimli ħajja u attivita. Fost il-postijiet li żaret, kien hemm diskoteka miftuħa fejn kien qed isir festival mużikali għaż-żgħażagħ. Illum fadal biss tiġrif u xeni ta’ nies li sfaw maqtula.

Iż-żjara tal-President Metsola qed tissokta f’dawn il-ħinijiet, b’aktar aġġornamenti inwassluhom fil-ħin li ġej. Fl-attakki terroristiċi ta’ nhar is-Sibt, il-Hamas qatlu aktar minn elf persuna.