Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal eks Kuntistabbli li ammetta li seraq oġġetti mill-għassa tal-Ajruport

Eks Kuntistabbli tal-Pulizija ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li seraq oġġetti mitlufa mill-għassa tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Gordon Portelli ammetta li wettaq dawn ir-reati bejn l-24 ta’ Frar 2020 u t-13 ta’ Awwissu 2020 kif ukoll li bħala uffiċjal pubbliku seraq flejjes tal-Gvern jew dokumenti jew oġġetti fdati lilu minħabba l-kariga jew impjieg tiegħu.

Dwar dan il-każ kien inħatar uffiċjal tal-probation fejn ħarsa lejn it-trobbija ta’ Portelli rriżulta li kienet
pjuttost normali fejn huwa kien jgħix maż-żewġ ġenituri flimkien ma’ ħutu. Il-missier kien jaħdem bħala suldat u l-omm kienet tieħu ħsieb l-affarijiet tad-dar.

Minkejja din it-trobbija jidher li kien hemm xi żmien fl-adolexxenza fejn huwa kien jiġi “bullied” ħafna fejn dan il-“bullying” ħalla effett kbir fuq is-“self esteem” tiegħu, xi ħaġa li fl-eta’ addolexxenti tkun kruċjali ħafna.

Meta mbagħad wieġed jara il-kompożizzjoni tal-familja attwali, l-imputat jinsab f’relazzjoni stabbli ma’ mara fejn din ir-relazzjoni ilha madwar seba’ snin. Huwa jghix fid-dar mas-sieħba tiegħu u spjega kif fid-dar hemm tgħix ukoll il-kunjata u huma fix-xitwa jgħixu fid-dar tal-partner tiegħu Ħaż-Żebbu ġimbaghad fis-sajf imexxu kollox u jmorru jgħixu ix-Xgħajra sabiex ikunu aktar viċin il-baħar.

Meta ġiet biex tagħti l-piena wara li ammissjoni, l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qieset li huwa tilef xogħlu bħala kuntistabbli mal-Korp tal-Pulizija minħabba dak li għamel, u li rritorna l-oġġetti inkluż passaport ta’ persuna Finlandiża u li llum għandu impjieg stabbli.

Il-Qorti qalet li ma jkunx għaqli li jingħata piena ta’ ħabs effettiva u qalet li għandu jingħata opportunità sabiex jikkoreġi l-iżball li għamel fil-passat u jibda paġna ġdida. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża hija ħarġet fuqu l-interdizzjoni ġenerali perpetwa b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li mir-rapport tal-uffiċjal tal-probation ħareġ li fejn jidħlu vizzji, jidher li l-imputat ma għandux problemi nkwetanti u l-istess jista’ jingħad għal saħħa kemm mentali kif ukoll saħħa fiżika fejn jidher li ma hemm bżonn tal-ebda interventi specifiċi.

Fuq l-aspett tal-impjieg wieħed ma jistax ma jinnotax li Portelli għamel żmien twil bħala kuntistabbli tal-pulizija, liema xogħol hu jgħid li ma kienx għal qalbu u li ma kienx jitlaq għaliex ma kienx jemmen li jista’ jsib xogħol aħjar.

Fil-mument Gordon Portelli jinsab f’impjieg bħala ‘Environmental Ranger’ li huwa għal qalbu ħafna fejn huwa sab dan ix-xogħol wara xi xhur li huwa kien mingħjr impieg. Huwa jħoss li fil-Korp tal-Pulizija falla għalhekk huwa sodisfatt ħafna li fil-preżent qiegħed f’impjieg li fih jista’ jerga’ jibda xi ħaġa mill-ġdid. Wieħed ta’ min isemmi li l-imputat wera kooperazzjoni mal-Uffiċjal tal-Probation matul il-kumpilazzjoni ta’ dan ir-rapport.
Pjan ta’ Kura
Bħala pjan ta’ kura wieħed iheġġeġ lill-imputat biex ikompli fit-triq it-tajba li sejjer fiha speċjalment fejn jidħol l-aspett ta’ impjieg fejn illum huwa jinsab kuntent f’impjieg stabbli. Barra minn hekk, wieħed ukoll iħeġġeġ lill-imputat sabiex jesplora permezz ta’ għajnuna professjonali s-sentimenti tiegħu kif ukoll il-ħsibijiet tiegħu fuq affarijiet żgħar sabiex fil-futur huwa jemmen aktar fih innifsu.”

Il-Qort qalet fis-sentenza wkoll li r-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation ma jistax jiġi njorat u sakemm l-istess Qorti taqbel perfettament mar-riżultanzi li ntlaħqu, u dan anke permezz li osservat l-atteġġjament tal-imputat tul dawn il-proċeduri li għalhekk ħalliet ċertu trapass ta’ żmien, jingħad li l-imputat għandu jingħata opportunità sabiex jikkoregi l-iżball li għamel fil-passat u jibda paġna ġdida iżda jingħata piena idonea. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Silvio Magro.