Futbol Sport

“Teuma bagħtilna filmat biex jagħtina kuraġġ għal għada” – Michele Marcolini, kowċ ta’ Malta

(Ritratt: MFA)

“Ninsab diżappuntant li għadna ma ġibnix punt s’issa pero trid tifhem eżatt kontra min lagħhna f’dan il-grupp. Nixtiequ nispiċċaw dan l-istadju ta’ kwalifikazzjoni għall-Ewro 2024, tal-anqas bir-rebħ ta’ punt.” Hekk qal Michele Macolini, kowċ tat-tim nazzjonali Malti fil-konferenza stampa ta’ qabel il-partita kontra l-Italja, għada f’Stadio San Nicola ta’ Bari.

Il-kowċ ta’ 48 sena, tkellem dwar nuqqas importanti li se jkun qed jinħass f’din il-logħba, dawk ta’ captain Steve Borg, Teddy Teuma u Jodi Jones. Marcolini qal li kulħadd jinsab diżappuntant li dawn it-tlieta m’humiex disponibbli għal dawn il-partiti filwaqt li żied jgħid li fl-aħħar sigħat, Teuma bagħt filmat lill-bqija tal-plejers fl-iskwadra, biex jagħmel kuraġġ lil kulħadd qabel il-konfront ta’ għada kontra l-Italja.

Marcolini saħaq li l-plejers tiegħu dejjem taw l-massimu tagħhom fit-taħriġ u s’issa l-partiti li lagħbu f’dan il-grupp ta’ kwalifikazzjoni, skont hu, dejjem kienu telfiet b’unur. “Minkejja li kienu logħob li tlifna, dawn il-partiti tawna ċertu emozzjonijiet li lkoll għadna ngħixuhom. Għada kontra l-Italja se nkunu qed ngħixu emozzjonijiet oħra ta’ dan it-tip,” kompla jgħid Marcolini.

Marcolini hu eks plejer ta’ Bari fejn hu dam jilgħab għal erba’ snin u sħanaistra għamel id-debutt tiegħu fis-Serie A u skorja l-ewwel gowl f’din id-diviżjoni, ma’ dan il-klabb. Hu saħaq li “id-destin tiegħu waslu biex jilgħab żewġ partiti bħala kowċ ta’ Malta kontra pajjiżi stess, u saħansitra li niġu hawn, f’Bari, f’belt li ħallejt warajha ħafna ħbieb u tant emozzjonijiet sbieħ.”

F’din il-koferenza stampa tkellem ukoll id-difensur ta’ Birkirkara, Enrico Pepe fejn esprima l-konvizjoni tiegħu li “nafu xi rridu nagħlu fil-grawnd u se nkunu qed nagħtu l-massimu tagħna. Min jaf, forsi għada jirnexxilna nagħtu emozzjoni sabiħa lill-partitarji tagħna li se jiġu jarawna.”