Lokali

“Tkomplix tiddiskrimina mal-ħaddiema sospiżi” – UĦM

Il-UHM Voice of the Workers tinnota li r-regolamenti tad-dixxiplina l-ġodda tas-Servizz Pubbliku baqgħu ma jindirizzawx problemi serji li ilhom ikarkru snin sħaħ.

Dan minkejja li l-UHM ilha tinsisti sabiex isiru l-emendi meħtieġa. Waħda mill-emendi prinċipali hija li uffiċjali pubbliċi jiġu sospiżi b’nofs paga bażika meta jkunu taħt xi investigazzjoni jew proċess kriminali.

Permezz tal-prinċipju fundamentali tal-ġustizzja, li persuna tibqa’ innoċenti sakemm tinsab ħatja, il-UHM dejjem saħqet sabiex il-proċess ta’ dixxiplina jkun jipprovdi li persuna għandu jiġi sospiż b’paga sħiħa inkluż l-allowances kollha fissi u li jitħallsu b’mod regolari ma’ kull paga.

Dan il-punt tressaq f’diversi fora fosthom f’laqgħa ta’ spjegazzjoni dwar ir-regolamenti ġodda tad-dixxiplina, fil-proposti ta’ diversi budgets tul is-snin, kif ukoll meta saret laqgħa fejn il-UHM tat ir-reazzjoni tagħha għar-reviżjoni ta’ dawn ir-regolamenti.

Iżda issa li tħabbru l-emendi li saru fir-regolamenti tad-dixxiplina tas-Servizz Pubbliku jirriżulta li dan il-punt baqa’ ma ġiex indirizzat tant li dawn jistipulaw li ħaddiem li jkun sospiż jieħu 80 fil-mija tal-paga bażika u f’ebda każ dan ma jista’ jkun inqas mill-paga minima.

Il-UHM mhux qed teskludi illi tieħu azzjoni ulterjuri sabiex twaqqaf din l-inġustizzja wara li għal darb’oħra il-gvern injora l-proposta tal-UHM biex ikun rispettat il-prinċipju li persuna tibqa’titqies innoċenti sakemm ma tinstabx ħatja.

Tags