Lokali

Alessandro Lia jżomm postu fl-Awtorità tax-Xandir minkejja li hu akkużat bi vjolenza domestika

Jissokta l-iskandlu ‘Alessandro Lia’ fejn minkejja li Robert Abela kien qal li se jgħolli l-istandards meta mbuttaw lil Rosianne Cutajar biex titlaq mil-Partit Laburista, jidher li l-istandards aktar tbaxxew.

Dan hekk kif Alessandro Lia, iben l-Avukat Pawlu Lia li hu involut fit-Tmexxija ta’ Robert Abela u influwenti fil-Partit Laburista, għadu jokkupa l-kariga li għaliha ġie nominat mil-Partit Laburista, dik ta’ membru fuq l-Awtorita tax-Xandir. Tajjeb li wieħed ifakkar li l-Awtorità tax-Xandir hi awtorità kostititzzjonali.

Bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed jiġġieled fil-Qorti kawża kontra l-Awtorità tax-Xandir minħabba partiġġjaniżmu sfaċċjat minn TVM.

Fatt li ilu magħruf pubblikament hu li Alessandro Lia, li hu wkoll Kummissarju għall-Ġustizzja, jinsab għaddej diversi proċeduri kriminali serji relatati ma’ vjolenza domestika. Uħud mill-akkuzi f’każ ta’ ħtija jġibu magħhom snin twal ta’ ħabs.

Osservaturi politici isostnu li dan mhux biss juri li l-Gvern Laburista mhux serju fil-ġlieda tiegħu kontra l-vjolenza domestika iżda juri wkoll kemm l-Gvern Laburista jimmina l-integrità tal-istituzzjonijiet anke kostituzzjonali billi ma jkunx hemm riżenji jew għall-inqas sospensjoni ta’ dawk li jkunu qed jiffaċċjaw akkuzi kriminali speċjalment serji.

Aħna ninsabu infurmati li ma hemm ebda proċeduri pendenti fil-konfront tal-eks martu l-Maġistrat Nadine Lia pero’ hemm diversi proċeduri pendenti kontra l-avukat Alessandro Lia li sa ftit snin ilu wkoll kien iservi bhala Avukat tal-Għajnuna Legali.

Kull ma jmur qed tiżdied l-pressjoni fuq Robert Abela, f’dan li qed jitqies bħala test importanti dwar l-istandards fil-politika, biex hekk kif f’Dicembru li ġej t-terminu t’Alessandro Lia bħala membru tal-Awtorità tax-Xandir jiġi fi tmiemu dan ma jerġax jiġi nominat mill-Gvern Laburista.

Filwaqt li Pawlu Lia għandu ħafna għedewwa fil-Partit Laburista hemm rabja kbira minħabba two weights two measures fejn persuni ġew mġiegħla jirriżenjaw minn karigi pubbliċi anke jekk ma kienux qed jiffaċċjaw akkużi kriminali serji bħal dawk li qed jiffaċċja Alessandro Lia għal dawn l-aħħar xhur.