Lokali

Appell għal aktar investiment għall-bdiewa u s-sajjieda

“Il-bdiewa huma l-kustodji tad-dinja tagħna”

Dan sostnieh l-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg f’konferenza li saret fil-Parlament is-Sibt filgħodu, għall-Jum Dinji tal-Ikel…fejn spikka d-dritt bażiku li kull bniedem għandu jkollu aċċess għall-ikel bnin u ilma nadif.

Hu kompla jitkellem fuq kif il-bdiewa għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-policies fuq l-ilma, ikel u riżorsi agrokulturali…dan għaliex huma jaħdmu ta’ kuljum sabiex ikunu jistgħu iwasslu ikel frisk lill-poplu Malti. Huwa stqarr ukoll, li l-bdiewa jridu jipprovdu ikel sikur għall-Maltin…anke dak li jiġi importat minn barra minn xtutna.

Fid-diskors tiegħu, il-President tal-Għaqda tkellem ukoll dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa, li jinkludu l-aċċessibbiltà għall-ilma, u l-fatt li l-ilma li jiġi mid-drenaġġ – li jisejjaħ ‘clean water’, jiġi maqsum ma’ individwi li ma jużawhx għall-produzzjoni tal-ikel.

Dan hekk kif insista li dan l-ilma għandu jkollhom aċċess għalih l-bdiewa biss hekk kif il-bdiewa dejjem fittxew modijiet varji fuq kif se jużaw l’ftit ilma li huma għandhom sabiex jużawh fl-uċuħ ta-raba’ tagħhom.

Apparti dan kollu, hu tenna ukoll li l-bdiewa għandhom ikunu provduti bi gwida fuq kif jintuża l-ilma b’mod effiċjenti.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll, il-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina u il-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda kontra l-Faqar Ivan Bartolo.

Fid-diskors tagħhom it-tnejn li huma tkellmu fuq l-importanza tad-diskussjoni rigward l-faqar globali, u s-sikurezza li kull individwu jkollu l-aċċess għall-ikel u l-ilma ta’ kuljum.

Fid-diskors tiegħu, Toni Bezzina tkellem fuq id-diffikultajiet li naffaċjaw bħala pajjiż fejn tidħol l-agrikoltura, hekk kif pajjiżna għandu nuqqas ta’ ilma u art agrikola Hu tenna li għandna niffokaw fuq allokazzjoni ta’ fondi kemm għas-sajjieda kif ukoll għall-bdiewa hekk kif għandna nżidu l-investiment fis-settur tal-agrikultura.

Minn naħa tiegħu, Ivan Bartolo ddiskuta l-fatt li madwarna hawn ħafna individwi li m’għandhomx aċċess għall-ikel bnin ta’ kuljum, li jirriżulta f’nuqqas ta’ sigurtà. Huwa għalhekk li għandna nagħmlu għażliet produttivi f’dan is-settur tant importanti. Dan filwaqt li appella sabiex ma jsirx ħela ta’ ikel, fejn fakkar fil-proposti li ressaq fil-Parlament il-PN……abbozz ta’ liġi li tiffoka fuq in-nuqqas tal-ħela tal-ikel u sabiex jiġi mħeġġeġ l-irkupru u d-donazzjoni tal-ikel żejjed għall-iskop ta’ solidarjetà soċjali fost l-oħrajn.