Qegħdin fix-xahar t’Ottubru, u għalhekk ifisser li se jibdew il-festi li jfakkru il-150 sena mit-twaqqif tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, l-ewwel Banda tal-Belt Valletta. Dan ix-xahar għalhekk jagħti bidu għal numru ta’ attivitajiet li se jibqgħu imnaqqxa b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ dan is-soċjetà glorjuża.
L-ewwel attività se tkun nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Ottubru. L-attività bl-isem ta’ Jum ta’ Ġieħ lill-Granmastru La Valette se tkun qed tiftaħ dawn l-attivitajiet. Dakinhar fis-5:45pm jibda Korteo milll-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għall-Knisja tal-Vitorja fejn issir serata kommemorattiva. Wara il-korteo, bis-sehem tal-banda La Valette, ikompli lejn il-każin tas-Società fejn isir il-ftuħ tal-wirja ‘Wirt Beltna, Wirt Pajjiżna’.
Din l-esebizzjoni se tkun waħda ta’ arti u mużika sagra li għandhom rabta mal-Granmastri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Magħhom se jkun hemm esebizzjoni ta’ ġojjelli ta’ Laura Caliendo u Gabriele Di Mizio. Din l-esebizzjoni se tibqa’ għaddejja sas-Sibt 28 ta’ Ottubru u l-ħinijiet tal-ftuħ se jkunu mid-9:30am sa 12:00pm u mill-5:30pm sa 7:30pm.
Is-Sibt 21 ta’ Ottubru is-Società Filarmonica Nazionale La Valette flimkien mal-Għaqda Mużikali San Ġużepp t’Għajnsielem, se jagħmlu marċ fl-10:30am fi Triq ir-Republika, il-belt Valletta.
Il-Ħadd 22 t’Otttubru wkoll se jkun hemm quddiesa konċelebrata solenni fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, fil-belt Valletta. Din tibda fl-10:30am u se jkun qed imexxi din il-konċelebrazzjoni Mons. Paul Carmel Vella, Rettur tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann flimkien mal-Kapitlu tal-Kolleġġjata u r-Retturi tal-Knejjes tal-Belt Valletta. F’din il-quddiesa se tieħu sehem il-“La Valette Ensemble” taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast James Chappel bis-sehem tas-Sopran Rosabelle Bianchi u t-tenur Georg Zammit.
Attività li żgur mhux ta’ min tintilef se jkun il-kunċert ta’ Mons. Marco Frisina, bl-isem ta’ Apostolo delle Genti. Dan se jsir il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru fis-7:30pm fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-belt Valletta. Il-biljetti għal din l-attività mexjin ġmielhom u baqa’ biss l-aħħar ftit li jistgħu jinkisbu mis-sede tas-soċjetà jew mis-sit showshappening.com
//= $special ?>