L-ikel Malti għamilha waqt EU Regions Week, f’edizzjoni oħra annwali li saret fi Brussell, b’eluf ta’ Ewropew issaħħru wara l-ikel u l-ħlewwiet tradizzjonali Malti.
Permezz ta’ mejda mdaqqsa, numru ta’ Għawdxin qassmu ikel varjat, fosthom pastizzi u mqaret, għal dawk kollha li żaru l-villaġġ ta’ Agora, f’Mont des Arts waqt il-Food Tasting. Hemmhekk, wieħed seta’ jduqq l-ikel tradizzjonali ta’ pajjiżi Ewropew. Iżda, bla dubju ta’ xejn li l-mejda tal-Għawdxin kienet l-iktar waħda li ġibdet lejha interess, kif jixhdu r-ritratti.
Preżenti għal dawn il-jiem ta’ sezzjonijiet kien hemm numru ta’ Maltin u Għawdxin li pparteċipaw fit-taħdidiet dwar il-liġijiet tal-koeżjoni, liġijiet li jgħinu finanzjarjament lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal diversi proġetti meħtieġa.
Din is-sena kienet il-21 edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet li saret bejn id-9 u t-12 ta’ Ottubru, bl-aġenda kienet tikkonsisti f’iktar minn 200 sessjoni ta’ diskussjoni u anke opportunitajiet ta’ networking permezz ta’ diversi attivitajiet.
Esperti dwar il-koeżjoni f’Malta kienu preżenti waqt dawn il-jiem ta’ sessjonijiet fejn wieħed seta’ jistaqsi dwar l-għajnuna u x-xogħol li jsir mill-Unjoni Ewropea favur pajjiżna.
Fost l-oħrajn, l-Għawdxin kellhom ukoll sehem f’diskussjoni li saret bl-isem ta’ “After the European Parliament’s resolution on Island regions: what’s next?” fejn ġew diskussi ideat u soluzzjonijiet għal strateġija Ewropea fid-dawl tal-gżejjer Maltin.
Ritratti – Antoine Farrugia Lauri / European Week of Regions and Cities