“Ma nistgħux nifhmu kif bit-tagħmir kollu li għandhom l-Iżraeljani ma interċettawx dak li kien qed jiġi mħejji minn naħa tal-Hamas.”
Huwa dan il-punt li kemm l-Ambaxxatur għall-Palestina f’Malta, Fadi Hanania u l-Ambaxxatur ta’ Iżrael għal Malta Ze’ev Boker qablu dwaru f’intervisti li taw lil dan l-istazzjon.
Hanania sostna illi hija stramba kif l-Iżraeljani ma kinux jafu bil-pjan; iżda stqarr li ladarba ssir invażjoni s-sitwazzjoni ċertament li se teskala bil-kbir.
F’kollegament telefoniku minn Iżrael, l-ambaxxatur Iżraeljan ammetta li jinsab ixxokkjat kif l-intelligence ma antiċipatx it-traġedja tal-ġimgħa li għaddiet iżda sostna wkoll li kollox għandu jsir f’ħinu u f’waqtu, inkluż l-investigazzjonijiet meħtieġa.
L-ambaxxatur tal-Palestina għal Malta sostna li l-Awtoritajiet Palestinjani kienu ilhom żmien twil jisħqu li s-sitwazzjoni ma setgħetx tibqa’ sejra kif inhi – fejn saħaq li kienu qed isofru diversi attakki fost oħrajn fil-kampijiet tar-refujati snin twal ta’ tbatija u dipressjoni li fi kliemu inevitabbilment issarfet f’aggressjoni.
Mill-banda l-oħra l-Ambaxxatur Boker sostna li malli sema’ dak li kien qed jiġri kien ixxokkjat hekk kif mhux biss Iżrael kienet qed issofri l-attakki minn nofsinhar mit-terroristi tal-Hamas iżda anke mit-Tramuntana mit-terroristi tal-Heżbollah – attakk li saħansitra qablu mal-olokawst tas-snin erbghin.
Huwa iddeskriva l-attakk tas-Sibt fuq iċ-ċivili bħala wieħed mingħajr preċedent – u nsista li se jkunu qed jagħmlu minn kollox sabiex jeħilsu l-ostaġġi minn taħt idejn il-Hamas.
Minn naħa tiegħu, l-Ambaxxatur Fadi Hanania stqarr li għandu diversi qraba fil-Palestina u insista li minn qiegħed hemm m’għandux fejn jaħrab.
Intant, l-Ambaxxatur għal Iżrael sostna li l-attakk li sofra fi tmiem il-ġimgħa mhux se jkun qiegħed jintesa u li ċertament mhux se jsibu t-triq tal-paċi ma’ terroristi li fi kliemu huma l-ekwivalenti tal-ISIS.
Dan filwaqt li sostna li Malta għandha tkun kburija bil-pożizzjoni li ħa l-pajjiż; filwaqt li fakkar fil-ħbiberija li hemm bejn pajjiżna u Iżrael.
L-Ambaxxatur Palestinjan insista li l-Iżraeljani kienu jgħidu li l-ġenerazzjonijiet futuri kienu se jinsew l-istorja; madanakollu preċiża jgħid li l-Palestinjani għandhom għatx kbir għal-libertà u d-dinjità – li l-bqija tal-popli għandhom.
Minn naħa tiegħu l-ambaxxatur għal Iżrael ma eskludix l-involviment tal-Iran f’dan kollu.
Huma t-tnejn insistew għal empatija, u s-solidarjetà – fejn ċertament l-ebda persuna ma trid gwerra f’darha.
//= $special ?>