Lokali

“Il-poplu xeba jisma’ b’skandlu wara l-ieħor”

“Il-poplu Malti u Għawdxi qed jifhem li f’pajjiżna l-affarijiet mhux qed isiru sew kif ukoll li pajjiżna m’għadux normali. Il-poplu qed jara l-ħidma kontinwa tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-kwalità tal-ħajja titjieb.”

Dan sostnieh il-preżentatur Peppi Azzopardi t-Tnejn li għadda fil-programm NET Live waqt diskussjoni mal-opinjonista Malcolm Seychell dwar is-survey li kien ippublikat mill-MaltaToday.

Peppi Azzopardi qal li n-nies qed jirealizzaw li f’pajjiżna l-livell ta’ korruzzjoni huwa wieħed għoli u huwa propju għalhekk li ma kull survey li qed joħroġ qed ikompli jikber id-distakk bejn il-Partiti – bil-Partit Nazzjonalista jinsab minn fuq.

Huwa qal li dawn ir-riżultati huma bil-ħidma kontinwa tal-Partit Nazzjonalista fejn huwa fakkar li propju kien bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista li t-tliet sptarijiet ingħataw lura lill-Gvern kif ukoll li nħatret Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Minn naħa tiegħu Malcolm Seychell qal li l-aħħar survey li ħareġ jindika li l-poplu xeba jisma b’skandlu wara l-ieħor dan filwaqt li tkellem fuq id-diversi problemi li qed jaffaċċja pajjiżna fosthom it-traffiku, l-għoli tal-ħajja u t-telqa li hawn f’diversi lokalitajiet.

Apparti minn hekk. Malcolm Seychell saħaq li dawn il-problemi kollha ġejjin mill-mudell ekonomiku li qed iħaddem il-Gvern ta’ Robert Abela; mudell ekonomiku li ħoloq splużjoni fil-popolazzjoni u kaġun t’hekk l-infrastruttrua ta’ pajjiżna mhux qed tlaħħaq.

Intant, matul l-aħħar ġimgħat kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll bosta entitajiet appellaw lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex b’mod immedjat ibiddel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna għal wieħed ibbażat fuq il-kwalità dan sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu ħajja aħjar f’pajjiżna.