Minn Christian Micallef
L-għaxar konfront fl-istorja bejn Italja u Malta, kif kien mistenni ra liċ-champions Ewropej joħorġu rebbieħa kontra tim Malti diżappuntanti u nieqes mill-idejat.
Kienu l-avversarji tagħna li tul id-90 minuta kkontrollaw il-ħeffa tal-logħba, u kien biss fl-ewwel 45 minuta li għarafna nassorbu l-pressjoni tal-Italja anke fid-difiża, minkejja li temmejna 2-0 minn taħt. Fit-tieni taqsima, l-Italja kielu lill-Maltin bil-logħob tagħhom, u l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Michele Marcolini dehret fqira fil-ħsieb u dagħjfa fl-abiltá tikkontrolla jew twaqqaf il-ħsara tat-Taljani.
L-atmosfera f’Stadio San Nicola kienet sempliċiment mill-isbaħ, partikolarment jekk tkun qed tagħti l-appoġġ tiegħek lill-Italja. L-istadium kien kważi mimli, u t-Taljani mir-reġjun ta’ Puglia ħatfu l-opportunitá biex jattendu għall-ewwel partita tal-Italja, f’tnax-il sena f’dan l-istadium. Qabel din id-darba, l-aħħar darba li l-Italja kienet lagħbet f’Bari, f’partita uffiċjali, kien f’Awwissu tal-2011.
Dak in-nhar, l-Ażżurri kien għelbu lil Spanja 2-1 f’logħba ta’ ħbiberija. Għaldaqstant l-istennija mill-partitarji fin-naħa t’isfel tal-Italja sabiex jaraw lit-tim nazzjonali tagħhom fl-azzjoni kienet waħda kbira.
Marcolini wettaq erba’ bidliet mill-aħħar logħba tat-tim. Tlieta minn dawn kienu sfurzati hekk kif captain Steve Borg kien qed jiskonta sospensjoni ta’ partita. It-tnejn l-oħra kienu żewġ plejers li jilgħabu ma’ klabb barrani u tħallew barra minħabba injury. Dawn huma Teddy Teuma li jilgħab f’Ligue 1 fi Franza ma’ Reims u Jodi Jones li jilgħab fil-League Two tal-Ingilterra ma’ Notts County. Ir-raba’ plejer li tilef post mill-ewwel ħdax tal-partita preċidenti, kien l-attakkant Kylian Nwoko, li iżda kien fost il-plejers riservi fil-ġurnata.
Minflok Borg ta’ Ħamrun Spartans, l-għażla preferuta kienet Ferdinando Apap ta’ Hibernians. Għar-raba’ darba minn kemm ilu fit-tmexxija, Marcolini għażel li jafda lil Yannick Yankam sa mill-ewwel minuta, b’rwol ta’ plejer f’nofs il-grawnd, fin-nuqqas ta’ Teuma.
Fuq quddiem, iż-żewġ plejers f’rwol offensiv u li ma kienux fl-ewwel ħdax tal-kowċ Taljan kontra l-Maċedonja, kienu l-iskorer prolifiku Luke Montebello u ż-żagħużgħ ta’ 22 sena li jilgħab ma’ Birkirkara, Paul Mbong. Dawn it-tnejn ħadu post Jones u Nwoko.
Malta bdiet b’modulu tattiku li kemm il-darba, f’dawn l-aħħar snin, rajniha tilgħab kontra avversarji ta’ kull livell, inkluż dawk tal-qawwa bħall-Italja; tliet difensuri ċentrali, ħamsa fin-nofs, bit-tnejn tal-ġnub jinżlu aktar meta t-tim ikun qed jiddefendi, u żewġ attakkanti.
Luciano Spalletti, fit-tielet logħba tiegħu fit-tmexxija ta’ dan it-tim, għażel li jibda b’sistema tattika offensiva ta’ 4-3-3. Fil-formazzjoni inizjali tal-ewwel ħdax-il plejer, spikka r-ritorn wara tliet snin, tal-midfielder veteran ta’ Fiorentina, Giacomo Bonaventura.
Mal-bidu tal-partita, kif kien mistenni l-Italja ħarġu aggressivi jfittxu l-gowl kmieni. Wara tliet minuti logħob, Manuel Locatelli prova l-ewwel xutt lejn il-lasti ta’ Henry Bonello li iżda għadda bi ftit barra. Zewġ minuti wara, minn corner ta’ Giacomo Raspadori, l-Italja laqtet il-minduda, b’konklużżjoni bir-ras ta’ Gianluca Mancini, u li baqgħet sejra barra.
Fl-ewwel nofs tal-ewwel taqsima, il-Maltin kienu tattikament dixxiplinati u għarfu jiddefendu u jikkontrollaw il-ballun kull darba li kien f’saqajna madankollu fit-22 minuta l-Italja żblukkaw ir-riżultat.
BONAVENTURA ma setgħax ikollu ritorn mat-tim nazzjonali aħjar minn hekk, meta Moise Kean għaddilu l-ballun, u minn tarf ‘il kaxxa venven xutt fuq it-tieni lasta, biex għeleb lil Bonello għal skor ta’ 1-0. L-għajta tal-gowl mill-partitarji avversarji għadha tidwi f’widnejja s’issa, hekk kif dan il-gowl naqqas xi ftit mill-pressjoni li t-Taljani kellhom sa minn qabel dan il-konfront.
Wara dan il-gowl, l-Italja naqqset li tkompli tibni fuq dan il-vantaġġ mirbuħ. Fl-istess waqt Malta kompliet tilgħab l-istess logħba dixxiplinata u fuq nota pożittiva, għarfet tibqa’ komposta minkejja li konna gowl wieħed minn taħt.
Iżda qabel tmiem l-ewwel 45 minuta, Nicoló Barella serva l-ballun lill-attakkant ta’ Sassuolo, DOMENICO BERARDI u dan tal-aħħar, b’konklużżjoni meqjusa u djagonali minn fuq ix-xellug ta’ Bonello, xeħet fix-xibka ta’ Malta għat-tieni gowl tal-Ażżurri fil-ġurnata.
Fil-veritá skor ta’ 2-0 fit-tmiem tal-ewwel taqsima, ftit li xejn kien jagħti deskrizzjoni ġusta ta’ dak li għamlet l-Italja f’din l-ewwel parti tal-logħba. Madankollu dak li kien jgħodd għall-Italja kien l-iskor u vantaġġ ta’ żewġ gowls, li fil-bidu tat-tieni taqsima, kien jagħti aktar saħħa u kumditá lill-avversarji tagħna.
Mal-bidu tat-tieni taqsima, l-Italja ħarġu aktar b’saħħithom milli konna rajnihom s’issa fil-logħba. Għal dab’oħra t-Taljani bdew jilgħabu b’difiża għolja, b’konsegwenza li l-Maltin komplew jaqgħu lura fl-impostazzjoni tagħhom fil-grawnd. Il-pressjoni tal-avversarji tagħna bdiet tpoġġi lill-plejers tagħna kontinwament f’difikultá.
Fit-62 minuta, Malta rriskjat li ssoffri t-tielet gowl meta għal inċertezza ta’ Bonello bejn il-lasti, għamel tajjeb fil-ħin l-Għawdxi Apap. Iżda minuta wara l-Italja pattew għal dan iċ-ċans mitluf.
Kontra-attakk veloċi minn fuq il-lemin tal-lasti tal-gowlkiper Malti, il-plejers tagħna dehru jitilfu l-forma komposta tagħhom, u BERARDI tħalla żmarkat f’tarf il-kaxxa biex b’abiltá xeħet fix-xibka għat-tielet gowl tal-Italja f’din il-lejla f’Bari.
L-Italja ma kienux kuntenti u komplew ikunu aggressivi u diretti lejn il-lasta Maltija, bil-plejers tagħna kienu kostretti li jiddefendu biss. Fis-76 minuta, Bonello salva konklużżjoni djagonali hekk kif l-iskwadra ta’ Spalletti kompliet tiddomina l-pussess tal-ballun f’din it-taqsima.
Sad-90 minuta, Malta kompliet tiddefendi biss, u kontinwament tilqa’ għall-pressjoni tal-Italja. Il-gowlkiper u captain tat-Taljani, Gianluigi Donnarumma, rari jew qatt ma mess il-ballun f’din it-tieni taqsima.
Fl-aħħar azzjoni tal-partita, is-sostitut DAVIDE FRATTESI, b’xutt fil-baxx minn tarf ‘il kaxxa għeleb lil Bonello għal 4-0 biex għalaq il-konfront b’poker għall-Italja kontra Malta.
Dan kien riżultat diżappuntanti, mhux għax tlifna iżda għaliex il-wirja tal-plejers tagħna kienet nieqsa mill-kreattiitá. Fil-veritá ma konnix qegħdin nistennew xi ħaġa differenti f’din il-lejla iebsa għall-Maltin, iżda stennejt li nara aktar aggressivitá u passjoni mill-plejers tagħna. L-uniku grinta li rajt kienet fl-ewwel taqsima, u mal-bidu tat-tieni 45 minuta tfejna l-magni u t-Taljani ħatfuna.
Marcolini għandu biċċa xogħol iebsa biex jgħolli l-moral tal-plejers Maltin għal nhar it-Tlieta li ġej kontra l-Ukrajna.
Italja | Gianluigi Daonnarumma, Federico Dimarco (79 min Destiny Udogie), Manuel Locatelli, Moise Kean (79 min Gianluca Scamacca), Giacomo Bonaventura (87 min Cristiano Biraghi), Giacomo Raspadori, Domenico Berardi (65 min Riccardo Orsolini), Matteo Darmian, Gianluca Mancini, Nicola Barella (65 min Davide Frattesi), Alessandro Bastoni.
Malta | Henry Bonello, Ryan Camenzuli, Matthew Guillaumier, Joseph Mbong (66 min Cain Attard), Luke Montebello (55 min Alex Satariano), Enrico Pepe, Bjorn Kristensen (66 min Nikolai Muscat), Yannick Yankam (84 min Kyrian Nwoko), Paul Mbong (84 min Brandon Paiber), Zach Muscat, Ferdinando Apap.
Referee | Duje Strukan (Kroazja)
Sofor | 44 min Paul Mbong (M), 53 min Yannick Yankam (M), 54 min Ferdinando Apap (M)
Skorjaw | 22 minuta Giacomo Bonaventura (I), 45+1 minuta, 63 minuta Domenico Berardi (I), 90+4 min Davide Frattesi (I)
//= $special ?>