Lokali

Andy Ellul jammetti li r-raġel imsemmi mis-Sunday Times of Malta kien ix-xufier tiegħu

Ellul jinsisti li ma kien jaf b’xejn b’rabta mar-racket tal-liċenzji

Andy Ellul ammetta iswed fuq l-abjad li r-raġel li l-Ħadd filgħodu l-gazzetta Sunday Times of Malta kien qed jirċievi benefiċċji soċjali…għax kien isofri minn epilessija u ma setgħax isuq…kien ix-xufier tiegħu.

Permezz ta’ post fuq Facebook, u mhux stqarrija uffiċjali permezz ta’ e-mail maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħal ma hija prassi li ssir…is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru saħaq li huwa minnu li kellu xufier li rreżnja mill-impjieg tiegħu sitt xhur ilu.

Ironikament Ellul ipprova jwaħħad u jdawwar rapport ta’ media indipendenti mal-Partit Nazzjonalista u fl-istess waqt iddefenda lilu nnifsu li hu ma kellu ebda idea dwar l-allegat abbuż li dan ir-raġel kien qiegħed iwettaq jew allegatament wettaq.

Fl-istess kitba fl-ebda mument ma kiteb jekk għamilx il-verifiki tiegħu qabel ma impjega miegħu lil dan ix-xufier, jew saħansitra jekk xi ħadd avviċinahx biex is-Segretarju Parlamentari iħaddmu miegħu.

Minkejja dan kollu f’tentattiv biex ma jsirux aktar tweġibiet, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul issa jidher li jeħtieġlu jwieġeb aktar domandi…mingħajr ma jattakka għall-ebda raġuni lill-Partit Nazzjonalista…bil-għan li verament isir it-tiftix tal-verità u l-ġustizzja.