Internazzjonali

Franza:  L-ogħla livell tal-allert minħabba l-potenzjal tat-terrur

Dan il-pajjiż qed jinżamm fuq l-ogħla livell ta’ allert possibbli wara l-qtil, il-ġimgħa, l-oħra, ta’ għalliem taħt idejn terrorista – bir-reat iseħħ fi skola ta’ Arras,

Fl-attakk spiċċaw feruti żewġ persuni, bl-aggressur – li qed jinżamm taħt arrest – jinstama’ jgħajjat ‘Allahu Akbar’ fil-ħin meta ħebb għall-għalliem. Il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gerald Darmanin, qal li mhemm l-ebda dubju li teżisti rabta bejn l-attakk f’Arras u l-konflitt attwali bejn Iżrael u l-grupp Hamas.

L-aggressur ta’ Arras jismu Mohamed Mogouchkov, Russu ta’ 20 sena u ta’ oriġini Ċeċena, u li jattendi l-iskola partikulari fejn l-għalliema baqgħu jiftakruh bħala persuna li dejjem werqa atteġġjament estremista.  Hu, intant, kien ilu magħruf mas-servizzi tas-sigurtà għall-involviment mal-estremiżmu Iżlamiku.

Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru ta’ Franza Elisabeth Borne iddeċidiet biex mill-ġdid iżżid l-istat ta’ allert għal pajjiżha wara laqgħa dwar is-sigurtà mal-President Franċiż, Emmanuel Macron.  L-istat tal-allert, fost oħrajn, kapaċi jixpruna miżuri addizzjonali għall-ħarsien tas-sigurtà fost it-twissijiet lill-pubbliku.

Dan waqt li fi tmiem il-ġimgħa kienu mobilizzati l-eluf tas-suldati għal aktar patrols tas-sigurtà, bil-Mużuew ta’ Louvre, f’Pariġi, jingħalaq għal raġunijiet ta’ sigurtà.