F’temp ta’ ftit ġimgħat pajjiżna kien xhieda ta’ żewġ skandli nazzjonali li direttament jew indirettament hemm involuti fihom persuni fil-kuriduri ta’ Kastilja. Il-frodi tal-benefiċċji soċjali – ir-racket tal-liċenzji tas-sewqan; żewġ skandli li jiswew lill-poplu Malti u Għawdxi miljuni ta’ ewro – flejjes li potenzjalment setgħu marru għal għanijiet aktar nobbli.
Bosta esperti ddeskrivew dawn l-iskandli żvelati mill-ġurnali lokali bħala eżerċizzji ta’ xiri ta’ voti. Madanakollu skont il-Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Robert Abela li persuna taqdi liċ-ċittadin f’dak li jkollu bżonn ma fiha xejn ħażin…anzi ħeġġeġ lill-customer care tal-Gvern biex ikomplu bil-ħidma tagħhom.
Is-Sibt filgħodu waqt diskussjoni organizzata mill-għaqda Repubblika, tkellem fost oħrajn il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer fejn insista li f’pajjiżna l-kultura tal-pjaċiri …mingħajr ebda dubju…hija l-aktar waħda b’saħħitha.
Huwa kien qed jitkellem dwar is-sistema elettorali ta’ pajjiżna u kif inhi msejsa preżentament. Esperti qed jisħqu li ċertu deċiżjonijiet meħuda mill-Gvern tal-ġurnata qed ikomplu jsaħħu l-hekk imsejħa liġi tas-sultan….sabiex il-poplu bħal kelb obbidjenti jkun dejjem jrid jiekol min idejn sidu u jitkarrab għal bżonnu.
Hekk ukoll iċ-ċittadin, bis-sistema mħaddma mill-Gvern Laburista, jkollu jmur jitkarrab għand il-Ministru jew il-Customer Care tal-OPM biex jakkwista liċenzja tas-sewqan…u jekk tkun kontrihom…joffenduk, jinsulentawk u jinjorawk.