Il-poplu Pollakk qed jivvota fl-elezzjoni nazzjonali li r-riżultat tagħha kapaċi jħalli impatt kbir fuq id-direzzjoni tal-pajjiż — u mhux l-anqas il-bilanċ tal-poter tal-Unjoni Ewropea li l-Polonja tifforma parti minnha.
L-elezzjoni kapaċi anki tinfluwenza l-futur tal-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna peress li l-Polonja hi alleata ewlenija tal-Gvern Ukren immexxi mill-President Volodymyr Zelensky.
Il-Partit populista għal-Liġi u Ġustizzja (PiS)– li ilu jmexxi lill-Polonja għal tmien snin — jinsab f’diżgwid mal-UE rigward diversi issues. Intant, il-PiS qed jipprova għal tielet mandat ta’ poter konsekuttiv u rebħa elettorali oħra għandha tkun waħda storika peress li l-ebda partit Pollakk ma qatt kiseb tliet rebħiet elettorali wara xulxin mindu l-Polonja rebħet mill-ġdid l-indipendenza mill-eks Unjoni Sovjetika.
Madankollu, il-PiS qed jiffaċċja l-isfida denja ta’ Oppożizzjoni magħmulha minn koalizzjoni ta’ entitajiet politiċi taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru u eks-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk. L-UE u l-Oppożizzjoni Pollakka qed jakkużaw lill-PiS b’li qed iżarma l-istituzzjonijiet demokratiċi fil-Polonja u fi żmien meta l-Gvern ta’ Varsavja qed jimponi kontroll aktar riġidu għall-ġudikatura, il-media pubblika u l-entitajiet kulturali ta’ pajjiżu.
Min-naħa tiegħu. Il-PiS qed jakkuża lill-koalizzjoni ta’ Donald Tusk dwar aġenda li, allegatament, tirrendi lill-Polonja bħala skjav tal-Unjoni Ewropea jekk kemm-il darba hi tassumi hi l-poter.
Fl-istess ħin, il-Pollakki, bħalissa, qed jivvutaw anki għal politika li tindirizza l-inflazzjoni għolja u l-issue tas-sigurtà mal-fruntieri tal-Polonja.
//= $special ?>