Sliema ASC u l-waterpolo lokali se jitilfu ġentlom, centre perikoluż, avversarju iebes, plejer ta’ rispett u leali. Jerome Gabarretta ħabbar fuq il-profil tiegħu fuq il-media soċjali li qed itemm il-karriera tiegħu bħala plejer tal-waterpolo.
Gabarretta li għandu 33 sena, kien is-suċċessur ta’ Mark Meli bħala captain tal-klabb fl-aħħar sena u f’Ġunju li għadda kien ħabbar li rtira mit-tim nazzjonali. Hu lagħab il-karriera kollha tiegħu mal-klabb Slimiż u kien għamel id-debutt mat-tim ewlieni fil-Kampjonat tas-Sajf tal-2006, l-istess sajf li ma’ Sliema lagħab il-mibki Ungeriż Tibor Benedek.
Meta wieħed iqis li l-karriera tiegħu damet 17-il sena, din ma kinitx deċiżjoni faċli għal Gabarretta biex jieħu d-deċiżjoni finali li jirtira. F’kuntatt li dan is-sit għamel, Jerome Gabarretta stqarr li kien hemm numru ta’ fatturi li wassluh biex ħa din id-deċiżjoni b’mod partikolari li ma setax jibqa’ impenjat kif xtaq.
“Iddedikajt u ssagrifikajt ħafna għall-isport u rċevejt ħafna lura. Madankollu ninsab kuntent bid-deċiżjoni li jfisser li kienet l-aħjar waħda. Issa nħares li nqatta’ aktar ħin mal-familja tiegħi u ngawdi dan l-isport sabiħ mill-istand.”
Is-centre rebaħ xejn anqas minn 16-il unur ma’ Sliema; darbtejn il-Kampjonat tas-Sajf, ħames darbiet in-knock-out, ħames darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa, darbtejn l-Enemed Cup u darbtejn it-Tazza tal-President. Fuq kollox jispikka mument memorabbli fuq livell personali meta ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena tal-ASA fl-2019.
Mat-tim nazzjonali, Jerome Gabarretta kellu karriera sabiħa wkoll. Hu lagħab għal 14-il sena u pparteċipa fi tliet edizzjonijiet tal-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fejn fosthom skorja ħames gowls.
//= $special ?>