Lokali

“Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja m’għandhiex tkun intaxxata” – Bernard Grech

Fond Nazzjonali favur l-imprendituri Maltin

“Magħqudin flimkien qed naħdmu sabiex il-poplu jkollu l-futuq li jixtieq. Aħna se nibqgħu niżirgħu ttama għall-verità u l-ġustizzja.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività politika organizzata l-Ħadd filgħodu f’Birkirkara fejn ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex jagħmel kuraġġ – minkejja l-iskandli, u t-turbolenzi li fl-aħħar xhur kien xhieda tagħhom.

Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jisma’, jiddiskuti u jfassal politika li verament tpoġġi lill-ħaddiem fiċ-ċentru, waħda li l-familji jeħtieġu.

Fost oħrajn appella lill-Gvern tal-Labour sabiex ma jibqax jintaxxa ż-żieda tal-COLA għaliex kulħadd ħaqqu ħajja aħjar f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li ħajja aħjar f’pajjiżna tfisser aktar postijiet miftuħa, aktar infrastruttura meħtieġa li sservi tajjeb għaż-żieda drastika fil-popolazzjoni, opportunitajiet ta’ studju u xogħol għaż-żagħżagħ, li tiġi indirizzata l-problema qawwija tal-iskart u tat-traffiku…u li jsir investiment fil-qasam tas-saħħa u sostenn lin-negozji.

Minflok, Bernard Grech insista li Gvern tal-Labour qed jispiċċa jattakka lill-imprendituri Maltin.  

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-politika tal-Partit hija waħda li tixtieq li jindirizza kemm il-pjan fit-tul għaliex hu, flimkien mad-deputati tiegħu, jafu fejn iridu jieħdu lill-pajjiż.

Għaldaqstant, Bernard Grech sostna li mal-Partit Nazzjonalista jirbħu Malta u Għawdex – jirbħu l-interessi tal-familji, tal-ħaddiema,  taż-żagħżagħ u ta min verament iġib il-pajjiż l-ewwel u qabel kollox.