Internazzjonali

Iżrael: Viċin ħafna tal-offensiva finali fuq il-Hamas, bil-qawwiet tal-art, l-ajru u tal-bażar fuq ‘standby’

Il-qawwiet ta’ Iżrael qed iħejju ‘tpattija terribbli’ għall-attakki terroristiċi tal-grupp Palestinjan Hamas, li, ftit aktar minn ġimgħa ilu, kien invada l-artijiet tal-Iżraeljani fejn wettaq massakru sħiħ ta’ familji innoċenti.

L-Armata u l-qawwiet riservisti ta’ Iżrael qed jiċċirkondaw il-fruntieri ta’ Gaza fost stennija għad-direttiva ‘finali’ biex jidħlu fit-territorju bħala ‘massa’ u jeliminaw lit-terroristi Iżlamiċi u l-moħbiet tagħhom.

Din mistennija tkun l-akbar azzjoni militari kontra l-Hamas fl-istorja, bl-Iżraeljani jimmobilizzaw l-għexieren tal-eluf tas-suldati u tankijiet tal-gwerra – b’din il-kampanja militari se titmexxa wkoll bil-qawwiet tal-ajru u tal-baħar.

Iżda waqt li kollox  qed jidher lest għall-assalt finali fuq Gaza, l-invażjoni mill-art , baqgħet posposta minħabba l-maltemp li ma jippermettix għall-azzjonijiet – inkluża sorveljanza – mill-ajru.

Xi sorsi, sadanittant, żvelaw li l-Iżraeljani qed jaħsbu biex jieħdu kontroll sħiħ fil-belt ta’ Gaza waqt li jeliminaw lil kull kmandant tal-Hamas. Hemm ukoll pjani biex il-militar Iżraeljan imexxi kampanja għat-tul taż-żmien biex jaċċerta li ‘ma jibqax imqar terrorista wieħed’ f’Gaza.

Fl-istess ħin, ir-rapporti qalu li l-Hamas qed iżommu lir-residenti mwerwrin ta’ Gaza milli jitilqu mit-territorju u wara li Iżrael wissihom biex joħorġu minn dik iz-zona ħalli ma jinqabdux fl-attakki koordinati imminenti.

Il-Qawwiet tad-Difiża (IDF) ta’ Iżrael,  fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li t-terroristi tal-Hamas qed jagħmlu li jistgħu biex jevitaw il-qilla massima tal-offensiva tal-Iżraeljani u meta qegħdin jiksru kull regola tal-gwerra bl-użu taċ-ċivili – inklużi nisa u tfal – kontra l-attakki tal-ajru mill-Iżraeljani.

Dan ukoll meta l-Hamas qed jinsisti li l-‘countdown’ għall-offensiva Iżraeljana fuq Gaza hu parti minn ‘propaganda qarrieqa’, bl-osservaturi indipendenti jaqblu li t-terroristi qegħdin jużaw din it-tattika qarrieqa bil-ħsieb li jevitaw l-akbar burraxka ta’ missili u bombi.

Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, iżda, komplew jibbumbardjaw il-Medda ta’Gaza matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd – bid-deadline jiskadi għaċ-ċivili Palestinjani biex joħorġu mit-territorju partikulari qabel l-invażjoni tal-Armata.

U l-assalt imminenti tal-Iżraeljani mistenni jkun l-akbar wieħed mindu l-qawwiet ta’ Iżrael  invadew il-Libanu fl-2006. L-azzjoni, fl-istess ħin, għandha tkun ħafna akbar mill-invażjoni ta’ Gaza mill-Armata Iżraeljana fl-2008.

Fl-aħħar sigħat ukoll, għexieren ta’ eluf ta’ residenti kienu qed jaħarbu min-naħa ta’ fuq ta’ Gaza u bin-Nazzjonijiet Uniti tikkalkula li, fil-preżent, hemm madwar miljun Palestinjan kostretti li jgħixu bħar-refuġjati b’konsegwenza tal-bumbardamenti minn Iżrael.