Lokali

AĠĠORNATA: Raġel arrestat wara qtil doppju fil-Marsa

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Żewġ persuni inqatlu fil-Marsa f’każ xokkanti – delitt-doppju … bil-vittmi huma t-tnejn Maltin. Dan filwaqt li l-aggressur, illi huwa barrani, ġie arrestat mill-Pulizija.

Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tad-9:30am, meta fi f’razzett fl-inħawi ta’ Triq it-Tiġrija, instemgħet kommossjoni sħiħa.

Malli l-Pulizija waslu fuq il-post – sabu mara ta’ 56 sena u raġel ta’ 73 sena mixħuta mal-art f’kamra, mitlufa minn sensihom u bi ġrieħi kkawżati minn strument li jaqta’ u bil-ponta.

F’dan l-istess każ, kien hemm involuti wkoll żewġ persuni oħra, li assistew sabiex inżamm ir-raġel, u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal-kura meħtieġa. Dawn iż-żewġ persuni, aktar tard kienu ċċertifikati bi ġrieħi ħfief… kif ikkonfermalna l-kelliem tal-Korp tal-Pulizija Brandon Pisani.

Fil-post waslu Pulizija tal-RIU, membri tal-Kavallerija, ambulanzi kif ukoll tobba li assistew lin-nies feruti. Dan filwaqt li dehru wkoll qraba u ħbieb jaslu fiz-zona, ftit wara li ħarġet din l-aħbar.

Aktar tard ir-raġel maqtul kien identifikat bħala Joe Bartolo magħruf fost dawk midħla tat-tiġrijiet taż-żwiemel lokali bħala “il-Babbakku”.

Sorsi qrib is-sit online talk.mt spjegaw li mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-argument nibet is-Sibt filgħaxija wara li allegatament il-vittma ta’ 73 sena kellu diżgwid mal-allegat aggressur, ta’ nazzjonalità barranija, rigward xi ħlas ta’ kera.

L-istess rapporti spjegaw li allegatament is-Sibt filgħaxija l-vittma keċċa lil xi persuni li kienu joqgħodu f’parti mir-razzett tiegħu fil-Marsa.

Sorsi li tkellmu ma’ talk.mt spjegaw li meta l-Ħadd filgħodu Bartolo rritorna fir-razzett sabiex jipprepara xi żiemel, huwa kien aggredit mill-barrani u sfortunatament inqatel fil-post.

Ġie rrapportat ukoll li l-vittma l-oħra, mara ta’ 56 sena, ma kinitx involuta direttament fl-argument – madanakollu allegatament malli rat ix-xena quddiem għajnejja nħakmet minn paniku…u l-aggressur, allegatament ħebb għaliha wkoll.

Dwar dan id-delitt doppju, infetħet inkjesta immexxija mill-Maġistrat Kevan Azzopardi.

Għaddejin ukoll l-investigazzjonijiet minn naħa tas-Sezzjoni tal-Omiċidji, bl-assistenza tal-membri tal-Forensika.