Lokali Parlament

800 student jidħlu l-MCAST iżda ma jkomplux il-korsijiet u jintilfu fis-sistema


Justin Schembri, PN


Id-deputat Nazzjonalista Justin Schembri appella biex ikun hemm l-investiment meħtieġ quddiem is-sitwazzjoni li madwar 800 student jidħlu l-MCAST iżda ma jkomplux il-kosrijiet u jintilfu fis-sistema.


Fil-parlament Justin Schembri qal li hu jemmen fil-kapaċitajiet taż-żgħażagħ u appella għal diskussjoni dwar l-MCAST u l-istudenti li qed jidħlu fiha. Hu qal li għad hemm wisq studenti li jidħlu fil-livell ta’ MCAST iżda ma jkollhomx il-livelli bażiċi.


Dan għaliex l-edukazzjoni obbligatorja sekondarja tkun naqsithom. Għalhekk jidher li fl-edukazzjoni avvanzata u ogħla għandu jkun ikkunsidrat li fil-livell sekondarju hemm problema li trid tissolva. Hemm madwar 800 student li jidħlu fl-MCAST iżda ma jkomplux jistudjaw u jintilfu fis-sistema.


Hu qal li problema oħra hi li l-istituzzjonijiet indipendenti mhux iħossuhom fuq livell ma’ istituzzjonijiet oħra ikbar li għandhom għajnuna mill-Istat. Wasal iż-żmien li dawn l-istituzzjonijiet jingħataw l-għajnuna meħtieġa.


Justin Schembri tkellem dwar istituzzjonijiet li joffru korsijiet oħra f’setturi bħall-marititmu u l-avjazzjoni u appella biex ma jkunx hemm diskirminazzjoni dwar l-istipendji. Hu qal li tajjeb li l-MFHEA tissaħħaħ u appella biex ikun hemm iktar konsultazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.