“Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħmilha aktar faċli għall-kaċċaturi biex joqtlu għasafar protetti, bil-Gvern ma’ jieħu ebda azzjoni dwar il-kawża prinċipali ta’ din il-problema li huwa l-ibbalzmar.”
Dan kien il-messaġġ li wasslet l-għaqda BirdLife waqt azzjoni simbolika quddiem Kastilja fejn numru ta’ persuni żammew f’idejhom ritratti ta’ għasafar tal-passa u indaqqet mużika li fiha nstemgħu l-għasafar jgħannu.
Iżda minn ħin għall-ieħor waqt din il-mużika nstema tir minn senter tal-kaċċa fejn ma’ kull tir, il-parteċipanti waqgħu mal-art fuq it-taraġ ta’ Kastilja filwaqt li r-ritratt li kellhom f’idejhom inbidel biex juri għasafar protetti feruti jew saħansitra maqtula.
BirdLife spjegat kif matul l-aħħar snin, il-liġijiet tal-ħarsien tal-għasafar idgħajjfu b’mod sistematiku sabiex ikun żgurat – skont huma – li l-kaċċaturi jeħilsuha ħafif. Diversi liġijiet, fosthom dik li tirregola l-ibbalzmar tal-għasafar, ġew emendati biex jinġiebu fi stat li impossibbli jiġu infurzati.
BirdLife qalet li s-sitwazzjoni kompliet sejra għall-agħar meta Robert Abela ċeda għat-talba tal-għaqdiet tal-kaċċaturi li jneħħi curfew fuq il-kaċċa tal-għasafar li kien jiżgura li l-għasafar jiġu mħarsa meta jkunu qed ifittxu post fejn jinżlu ħalli jqattgħu l-lejl. U għalhekk, kaġun ta’ din il-bidla illum saret xi ħaġa aktar komuni li dan it-tajt protett jispiċċa fil-mira tal-kaċċaturi.
BirdLife fakkret li l-Kummissjoni Ewropea mhux biss fetħet proċeduri ta’ ksur dwar id-derogi kollha tal-kaċċa u l-insib f’Malta, imma anke bdiet azzjoni legali fir-rigward tan-nuqqas ta’ infurzar biex jiġu mħarsa l-għasafar ….kif tgħid id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.
BirdLife Malta sostniet li l-attitudni li qed jadotta Robert Abela biex ikompli jikkuntenta lill-kaċċaturi qed tħeġġeġ is-sentiment li l-kaċċaturi jistgħu jagħmlu li jridu. U għalhekk, huma insistew illi wasal iż-żmien li tintrefa responsabbilta sħiħa dwar din il-kwistjoni.
//= $special ?>