Lokali

Debono Group isaħħaħ l-impenn lejn il-komunità billi jappoġġja ż-Żebbuġ Scout Group

Bħala parti mill-inizjattivi ta’ impenn fil-komunità, Debono Group dan l-aħħar estenda l-appoġġ tiegħu liż-Żebbuġ Scout Group li jaħdem biex jgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ fl-iżvilupp tagħhom u jrawwem fihom ħiliet ta’ tmexxija.

Debono Group sponsorja grupp ta’ Rovers ta’ bejn l-20 u t-23 sena li qattgħu għaxart ijiem jivvjaġġaw fl-Awstrija u s-Slovakkja hekk kif ħadu sehem fl-Explore Belt Challenge, sfida li għandha l-għan li tipprovdi liż-żgħażagħ b’esperjenza diretta ta’ pajjiż barrani. L-isfida twassal lill-parteċipanti biex jesperjenzaw l-istil ta’ ħajja u l-kultura tal-pajjiż li jagħżlu li jżuru, filwaqt li jiltaqgħu man-nies tal-lokal u fl-istess ħin itejbu l-kompetenzi soċjali tagħhom u jħaddmu ħiliet importanti oħra bħall-ibbaġitjar, l-ivvjaġġar, in-navigazzjoni, it-tisjir, il-kampeġġ u teambuilding.

Waqt l-ispedizzjoni, il-membri tal-grupp koprew distanza ta’ 250 kilometru hekk kif imxew lejn id-destinazzjonijiet tagħhom jew għamlu użu minn mezzi differenti ta’ trasport pubbliku. Huma kellhom ukoll iċ-ċans li jiltaqgħu ma’ scouts oħra, iduqu l-ikel lokali, u jżuru postijiet ta’ sbuħija naturali u siti ta’ wirt kulturali kemm fl-Awstrija kif ukoll fis-Slovakkja.

Debono Group u ż-Żebbuġ Scout Group ħadu wkoll inizjattiva konġunta biex jitħawlu siġar f’wieħed mill-widien tal-lokalità, Wied is-Sewda, bħala simbolu tar-rabta profonda tagħhom mal-ġid tal-komunità, u biex jikkontribwixxu għal ambjent aħjar f’Ħaż-Żebbuġ.

F’kumment dwar l-isponsorizzazzjoni, il-Kap Eżekuttiv ta’ Debono Group Geoffrey Debono qal: “Li ngħinu lil dan il-grupp ta’ Rovers serva ta’ opportunità siewja għalina biex nagħtu lura lill-komunità b’mod sinifikanti, billi ninvolvu ruħna b’mod attiv u nappoġġjaw liż-Żebbuġ Scout Group fil-formazzjoni taż-żgħażagħ. Il-valuri u l-ħiliet li dawn jiksbu fiż-żmien li jqattgħu fl-iscouts iħallu impatt fit-tul fuq ħajjithom u l-komunitajiet li jservu. Bħala Grupp aħna kburin ħafna bil-kontribut tagħna għall-iżvilupp taż-żgħażagħ bħala l-mexxejja tal-ġejjieni u ċittadini responsabbli.”

Debono Group ilu bbażat f’Ħaż-Żebbuġ mit-twaqqif tiegħu fl-1952 u żviluppa affinità mill-qrib mal-lokalità, tul 70 sena ta’ storja u tliet ġenerazzjonijiet tal-familja fit-tmexxija tan-negozju. Matul dan iż-żmien, Debono Group appoġġja diversi inizjattivi, gruppi u avvenimenti fil-komunità ta’ Ħaż-Żebbuġ.