Hekk kif qed jitfakkar is-sitt anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia l-għaqda Repubblika flimkien mal-‘Fondazione Falcone’ iffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni bil-għan li titkompla l-ġlieda kontra l-mafja.
Waqt id-diskors tiegħu, il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina spjega li permezz ta’ dan il-ftehim se jkun hemm sezzjonijiet f’mużewijiet li se jkunu ddedikati lil Daphne Caruana Galizi f’Palermo, Ruma kif ukoll f’Bolzano. Dan sar possibbli wkoll permezz ta’ ftehim mal-familja Caruana Galizia.
Apparti minn hekk, l-opra tal-arti bl-isem “Il Risorto da Combattimento” se jiġi misluf lil Repubblika għal sena.
Robert Aquilina ħabbar ukoll li ntlaħaq ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li se jospita din l-istess opra tal-arti fi Pjazza Balluta.
Waqt id-diskors, il-President ta’ Repubblika qal li jrid jintbagħat messaġġ qawwi ta determinazzjoni. Dan filwaqt li sostna li se jkomplu jiġġieldu sakemm Daphne Caruana Galizia tkun rikonoxxuta ta’ li hi: Eroj Maltija kif ukoll qaddejja tal-Istat Malti.
Minn naħa tiegħu, Alessandro De Lisi li tkellem f’isem il-Fondazione Falcone qal li l-mafja, bis-sistema ta’ kriminalità vjolenti – ibbażata fuq korruzzjoni u klijenteliżmu – tirrapreżenta l-ostaklu għall-progress komunitarju.
Huwa qal li minn tletin sena ilu ‘l hawn – minn meta twaqqfet din il-Fondazzjoni – dejjem kienet impenjata fil-promozzjoni tal-valuri u tal-ġlieda kontra kull forma ta’ mafja, permezz t’attività bla waqfien mal-iskejjel, u ma’ ditti kummerċjali.
Alesandro De Lisi sostna li l-parti tal-mużew li se tkun iddedikata għal Daphne Caruana Galizia se tkun ta’ simbolu li jfakkar il-ġurnalisti assassinati jew mhedda – għaliex kienu ħielsa, kuraġġużi u onesti.
//= $special ?>