Il-qawwiet ta’ Iżrael huma lesti biex jissikkaw il-morsa fuq it-terroristi tal-Hamas f’Gaza u meta aktar minn 400,000 suldat – flimkien mal-mijiet tat-tankijiet u ajruplani tal-gwerra – jinsabu fuq standby għall-akbar invażjoni tal-art mindu l-Armata Iżraeljana kienet invadiet il-Libanu fl-2006.
L-offensiva għandha tkun ir-‘ritaljazzjoni finali’ ta’ Iżrael li qed jaħseb biex jelimina t-theddida terroristika tal-Hamas….Il-grupp terroristiku li jingħad li kien ilu aktar minn sena jippjana l-invażjoni ta’ Iżrael, fis-7 ta’ Ottubru, li ssarrfet fil-qtil brutali ta’ mijiet ta’ Iżraeljani ċivili, fosthom nisa u tfal.
Intant, Iżrael jinsab partikularment irrabjat għas-sitwazzjoni tal-ostaġġi Iżraeljani f’idejn il-Hamas. Dan meta l-ammont tal-ostaġġi maħtufa mit-terroristi ( waqt l-aggressjoni f’Iżrael) huwa aktar minn 200 u meta dawn x’aktarx li jinsabu fil-labirint tal-mini taħt l-art ta’ Gaza li t-terroristi ilhom jużaw is-snin għar-rejds fuq l-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
U waqt li s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza kompliet tallarma lin-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji għall-ħarsien tad-drittijiet umani, Iżrael mhux jilqa’ l-appelli biex iżomm lura mill-qilla tal-attakki imminenti minkejja l-possibbiltà kbira li l-familji Palestinjani jinqabdu f’nofs ‘infern assolut’.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, filwaqt li insista mill-ġdid li pajjiżu kien, għadu u se jibqa’ sostenitur ta’ Iżrael, talab lill-Iżraeljani biex jeżerċitaw livell ta’ kawtela u rispett għall-ħajja ta’ ċivili waqt l-azzjonijiet militari fuq Gaza. Dan ukoll meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken irritorna f’Iżrael fejn hu, fl-aħħar sigħat, kien qed ikun aġġornat bl-aħħar żviluppi, fost it-tensjoni.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-azzjoni preparata mill-militar ta’ Iżrael għandha tneħħi kull ħjiel ta’ dubju fost il-Ħamas li jridu jħallsu prezz terribbli u fit-tul għall-massakri tal-Iżraeljani innoċenti. Netanyahu tenna li tal-Ħamas ‘marru żmerċ bil-kbir’ meta ħasbu li l-Iżraeljani setgħu jikkrollaw quddiem it-terrur’ u li Iżrael issa hu impenjat bis-sħiħ biex jeqred kompletament lill-Ħamas bħala entità qattiela.
Mindu tal-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru, wettqu l-invażjoni storika ta’ Iżrael, inqatlu viċin it-3,000 Palestinjan mill-qawwiet Iżraeljani li fetħu ‘burraxka ta’ tpattija’ fuq l-artijiet ta’ Gaza li ilhom is-snin amministrati totalment mill-Ħamas.
U waqt li l-Iżraeljani għadhom qed jostakolaw it-trasport tal-ikel, provvisti mediċi u affarijiet oħra bażiċi għan-nies ta’ Gaza, in-Nazzjonijiet Uniti qed tkompli bin-negozjati intensivi biex Iżrael jippermetti għall-movimenti tal-għajnuna ta’ fejda lejn dak it-territorju.
//= $special ?>