Żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti llum wara li kienu involuti f’serje ta’ serqiet minn diversi gabbani.
Il-persuni arrestati huma mara ta’ 32 sena residenti s-Siġġiewi u raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Qormi. Huma allegatament kienu nvoluti f’numru ta’ serqiet li ġew irrapportati erbat ijiem ilu f’Malta u f’Għawdex.
L-allegati serqiet ta’ flus kontanti seħħew minn gabbani fix-Xewkija u Għajnsielem, kif ukoll każ ta’ serq ta’ apparat elettroniku minn ħanut fir-Rabat, Għawdex. Fl-istess lejl kien hemm ukoll attentat ta’ serq minn magna li ssarraf il-flus f’car wash fix-Xewkija u serq ta’ mutur mir-Rabat, Għawdex.
L-istess investigazzjonijiet wasslu biex ż-żewġ persuni huma suspettati li kienu wkoll involuti f’serq ta’ vettura f’Ħal Qormi, liema vettura hija l-istess waħda li ntużat fis-serq f’Għawdex u vettura oħra mill-Mellieħa. Wara li rritornaw lura Malta, allegatament kienu nvoluti f’serqa minn gabbana fiċ-Ċirkewwa.
B’rabta ma’ dawn il-każijiet, il-Maġistrat Brigitte Sultana ħatret inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Intant, illum għall-ħabta ta’ nofsinhar iż-żewġ persuni arrestati mistennija jitressqu b’arrest fil-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Simone Grech u ser ikunu akkużati b’numru ta’ serqiet u ħsara volontarja, fost akkużi oħra.
//= $special ?>