Permezz ta’ mozzjoni fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi l-ħatra ta’ Kumitat Magħżul tal-Kamra biex minnufih jinvestiga, jagħmel konsultazzjoni wiesgħa u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parlament dwar l-istat tal-ġurnaliżmu u l-eżerċizzju tal-jedd fondamentali tal-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li fl-okkażjoni tas-6 sena mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huwa qiegħed pubblikament jistieden lill-Prim Ministru sabiex illum stess il-Parlament jiddiskuti u japprova din il-mozzjoni bħala sinjal ta’ impenn favur il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna.
Waqt il-konfernenza tal-aħbarijiet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar kif f’Lulju 2021 kien ġie ppubblikat ir-rapport tal-Bord ta’ Inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li permezz tiegħu ġie rrakkomandat li l-istat għandu jeżamina fil-fond l-istat tal-ġurnaliżmu u l-eżerċizzju tal-jedd fondamentali tal-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega kif il-Gvern ilu iktar minn sentejn ikaxkar saqajh biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. S’issa l-Gvern għadu ma wettaq l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet tat-tliet Imħallfin u m’għandu l-ebda pjan kif ser jagħmel dan fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Il-mozzjoni ppreżentata tgħid ukoll li:
Il-Kumitat Magħżul għandu jkun kompost u presedut mill-iSpeaker tal-Kamra u fl-assenza tiegħu mid-Deputat Speaker tal-Kamra u għandu jkun kompost ukoll minn tliet membri nominati mill-Prim Ministru u tliet membri nominati mill-Kap tal-Oppożizzjoni, u kull naħa tal-Kamra għandha tinnomina tliet membri sostituti;
Il-Kumitat Magħżul ikun jista’ jirregola il-proċedura tiegħu minkejja kull provvediment tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u li jisma’ u/jew jirċievi opinjonijiet, suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-pubbliku in ġenerali;
Il-Kumitat Magħżul għandu għandu minnufih jibda l-ħidma tiegħu u għandu jlesti u jippreżenta r-rapport tiegħu mhux iktar tard minn tliet xhur mid-data meta l-Gvern jippubblika l-white paper bl-abbozzi ta’ liġijiet ġodda magħha.
Bernard Grech fakkar kif fit-2 ta’ Ottubru 2023 il-Prim Ministru kien stqarr fil-Kamra li l-Gvern ser jippubblika white paper bl-abbozzi ta’ liġijiet ġodda magħha u li se jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozzi ta’ liġijiet ġodda qabel il-proċess leġislattiv fil-Kamra. Wara aktar minn ġimagħtejn il-Gvern baqa’ m’għamel xejn.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar ukoll li huwa ser ikun qiegħed jinnomina lid-Deputati Karol Aquilina, Claudette Buttigieg u Graham Bencini biex ikun membri ta’ dan il-Kumitat Magħżul. Huwa ħeġġeġ lill-Prim Ministru jinnomina tliet membri biex il-Kumitat ikun jista’ jibda bil-ħidma tiegħu fl-iqsar żmien possibbli.
Fil-konferenza tal-aħbarjiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mid-Deputati Robert Cutajar, Karol Aquilina, Claudette Buttigieg u Graham Bencini.
