Lokali

Il-PN b’diskussjoni mal-imsieħba soċjali dwar l-importanza ta’ iktar għarfien dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol

Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jibqa’ jaħdem sabiex pajjizna verament ikollu politika b’saħħitha favur iktar ħidma fis-settur tas-saħħa mentali.

Kien għalhekk li t-Tnejn filgħodu kienet organizzata laqgħa mal-imsieħba soċjali u l-unions dwar l-importanza tal-għarfien dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem fuq il-bżonn li wieħed jifhem kemm huwa importanti li jkun hawn iktar għarfien dwar is-saħħa mentali. Din għaliex jekk il-persuna ma tkunx b’saħħitha anke mentalment, ma tkunx tista’ tgawdi kwalità ta’ ħajja tajba.

Huwa tkellem dwar kemm huwa importanti li min iħaddem u anke l-ħaddiema jkunu jafu kif għandhom jaġixxu meta xi ħadd mill-kollegi tagħhom ikun qed isofru minn problemi ta’ saħħa mentali.

Il-Kelliem għas-Saħħa Mentali Ian Vassallo fakkar kif proprju ftit tal-jiem ilu, il-PN preżenta 12-il proposta differenti għal dan is-settur. Huwa qal li studji li saru urew li meta l-ħaddiema jkunu kunenti fuq il-post tax-xogħol tagħhom, il-ħidma tagħhom tkun iktar produttiva. 

Min-naħa tiegħu l-Kelliem għax-Xogħol Ivan Castillo saħaq li l-persuni jqattgħu parti kbira minn ħajjithom fuq il-post tax-xogħol u huwa għalhekk li għandu jkun hemm iktar għarfien dwar dan is-settur.

Qal li l-istress fuq il-post tax-xogħol jista’ jikontribwixxi għal persuni li jbatu minn saħħa mentali u huwa għalhekk importanti li min iħaddem jinvesti anke f’dan is-settur. Dan hekk kif statistika uriet li parti kbira mis-sick leave huaw attribwit ma’ mard mentali.

Min-naħa tagħha Lisa Vella tkellmet dwar esperjenza li għaddiet minnha l-familja tagħha fejn persuna qrib tagħha tbati minn bi-polar disorder. Hija sjegat kif snin ilu ma tantx kellha opportunita titkellem dwar dak li kienu għaddejjin minnu. Iżda llum il-ġurnata għalkemm hawn iktar għarfien, xorta waħda għandha ssir iktar ħidma biex dawn il-persuni jkunu integrati fis-soċjetà.  

Il-membri tal-Korpi Kostitwiti kif ukoll tal-unions faħħru l-proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista għal dan is-settur filwaqt li tkellmu dwar il-bżonn li ssir iktar ħidma biex titneħħa l-istigma li sfortunatament għadha preżenti f’pajjiżna. 

Huma tkellmu wkoll dwar kif f’pajjiż bħal Malta, fejn parti kbira min-negozji huma sme’s, ikollok numru ta’ persuni li jgħaddu minn problemi ta’ saħħa mentali proprju minħabba l-pressure li jkollhom biex in-negozju tagħhom jirnexxi u jkun b’saħħtu. Apparti dan ma naqsax ukoll li ssir diskussjoni dwar il-problemi ta’ saħħa mentali li jgħaddu minnhom l-edukaturi fil-ħidma tagħhom fl-iskejjel.