Il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina għadda messaġġ liċ-Chairman tal-PBS Mark Sammut u lill-Kumissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fejn qalilhom li bl-aġir tagħhom mhumiex se jsikktuhom u mhux se jirnexxielhom iwaqqfu l-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni.
Dan saħqu waqt velja organizzata quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta f’għeluq is-sitt anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fejn spjega li pajjiżna spiċċa mifni bil-korruzzjoni, korruzzjoni li minħabba fiha qed ibatu dawk l-iktar li għandhom bżonnijiet kbar fis-soċjetà.
Aquilina qal li pajjiżna spiċċa misruq miljuni kbar ta’ ewro li setgħu ntefqu fuq il-pazjenti Maltin u Għawdxin iżda minflok spiċċaw fil-bwiet tal-klikka fil-Gvern Laburista.

Quddiem dan kollu huwa appella biex kulħadd iħares ‘il quddiem b’ottimiżmu u jibqgħu determinati għax dejjem kienu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Dan filwaqt li temm jgħid li l-mument fejn dan il-pajjiż se jibda jduq il-ġustizzja…daqt se jkun qiegħed jasal.
Waqt l-istess attività tkellem ukoll Jonathan Ferris fejn qal li dakinhar li tkeċċa mill-FIAU fit-30 ta’ Ġunju 2017, Daphne Caruana Galizia kienet l-ewwel persuna li ċemplitlu, fejn minn dakinhar Daphne kienet baqghet izzomm kuntatt miegħu kważi kull ġimgħa, bl-aħħar darba tkun ftit jiem qabel ma qatluha.
Huwa insista li wara l-kitba ta’ Daphne kien hemm, mara u omm li kellha qalb kbira u li kienet taf tħoss għal min kien għaddej minn żmien diffiċli.
Ferris qal li wara l-passjoni li għaddew minnha hu u familtu, baqa’ jissielet sabiex jingħata raġun mill-Qorti fejn dmiru kien jinkludi li jinvestiga l-istejjer ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus li Daphne kienet qed toħroġ.
Dan filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd sabiex ixammru l-kmiem ħalli s-sagrifiċċju li għamlet Daphne Caruana Galizia ma jkunx ta’ xejn. Għalhekk appella lin-nies ta’ rieda tajba biex ikomplu fuq il-ħidma tal-ġurnalista…kulħadd bl-aħjar mod li jista’.

Intant, Clemence Dujardin minn Occupy Justice saħqet li l-poplu ħaqqu aħjar u qed jappella għal aħjar. Hija insistiet li t-tfal ta’ 10 snin…sitt snin wara illum għandhom sittax-il sena…lesti biex jivvotaw u jistgħu jilħqu Sindki tal-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom.
Iżda staqsiet li dawn it-tfal li illum huma xebbiet u ġuvintur għandhom quddiemhom Gvern mifni b’korruzzjoni u nuqqas ta’ responsabbilta…sistema li tixpruna l-korruzzjoni minflok l-integrità.
Indirizza wkoll il-velja Alessandro de Lisi minn Fondazione Falcone fejn insista li f’Malta huwa possibbli li l-mafja Taljana taħsel il-flus fl-isttabbilimenti iżda insista li b’kuraġġ u reżiljenza jinsab ċert li l-persuni ta’ rieda tajba se jaslu.
Huwa saħaq li l-Maltin u Għawdxin ma vvottawx biex jgħixu f’pajjiż korrott u insista li għandna nħallu pajjiż moralment b’saħħtu f’idejn uliedna u ulied uliedna.

Dan filwaqt li Karolina Farska, ġurnalista u attivista Slovakka, appellat lill-politiċi ta’ rieda tajba sabiex juru t-triq tal-verità u ġustizzja lill-poplu Malti u Għawdxi…sabiex iċ-ċittadin ikollu ħajja li tixraqlu u mhux waħda li tinsteraqlu minn min irid iħaxxen bwietu.
Hija appellat biex il-poplu ma jibqgħux jinnormalizzaw il-qtil ta’ ġurnalisti…u insistiet li Malta hija tal-Maltin u l-Għawdxin u mhux tal-uħud tal-qalba.

Tkellem ukoll tfajjel, Ethan Mifsud, fejn wassal messaġġi ta’ kuraġġ lil Matthew, Andrew u Paul – ulied Daphne Caruana Galizia…fejn sostna li mingħajr ma kienet tafu ommhom għalmitu wkoll…l-integrità.
Huwa saħaq li l-kuraġġ li uriet ommhom…jinsab f’ħafna nies u insista li m’humiex l-uniċi li jridu l-verità u t-trasparenza.

Chiara di Gaetano, minn Libera, saħqet li hija responsabbiltà tas-soċjetà ċivili li tiggarantixxi u żżomm għajnejha fuq l-awtoritajiet sabiex jaċċertaw li ċ-ċittadin ikollu ġustizzja sħiħa.
Hija ħeġġet sabiex neliminaw id-differenzi ta’ bejnietna u ningħaqdu f’għajta waħda favur il-ġustizzja.
Tom Gibson mill-Committee to Protect Journalists ikkundanna l-Gvern preżenti hekk kif saħaq li ma jistax jifhem kif għadu ma ħax il-passi kollha neċessarji kif kien indikat mill-inkjesta pubblika. Huwa insista li l-ħsieb biss li ma ssirx ġustizzja sħiħa ma’ Daphne Caruana Galizia hija tal-waħx – u stqarr li din preżentament hija realtà. Għalhekk appella sabiex is-soċjetà tkompli tistinka sabiex verament issir ġustizzja sħiħa.

Finalment, il-ġurnalist Christoph Schwaiger sostna li preżentament qed ngħixu f’realtà kerha. Huwa stqarr li passi ‘l quddiem saru iżda mhux biżżejjed. Għalhekk, insista dwar il-bżonn li ċ-ċittadini jxammru l-kmiem għaliex iż-żmien issa qiegħed jagħfas, u saħaq li s-soluzzjoni huwa ħadd ħlief dawk l-irġiel u nisa li jinsabu f’darhom.
Fil-bidu ta’ din il-velja, il-Viċi President ta’ Repubblika, Alessandro Dee Crespo selmet lil omm Daphne Caruana Galizia, Rose Vella, li mietet f’Awwissu li għadda. Hija insisiet li l-ħidma dejjiema favur il-ġustizzja u l-verità mhux se tkun qed tieqaf għax ma jibżgħux.
