Lokali Parlament

Is-sistema edukattiva qed tfalli milli tipprepara studenti għall-isfidi tal-pajjiż


Beppe Fenech Adami, PN


Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal fil-parlaemnt li li minkejja li l-pajjiż għandu sistema ta’ edukazzjoni bbażata fuq edukaturi dedikati, is-sistema qed tfalli milli tipprepara lill-istudenti għall-isfidi tal-pajjiż.


L-istatistika turi li fl-eżamijiet tas-SEC kien hemm realtajiet inkwetanti ħafna dwar is-suċċess tal-istudenti fl-edukazzjoni għaliex irriżulta li wieħed minn kull ħamsa tal-istudenti li poġġew għall-eżamijiet kellu riżultat ta’ un f’xi wieħed mis-suġġetti.


Dan ifisser 20% tal-istudenti tant marru ħażin li naqsu li jikkwalifikaw għal xi marka. Kien hemm ukoll 7% li minkejja li applikaw għas-SEC lanqas biss marru għall-eżami.


Hu saqsa jekk hux qed isir eżerċizzju biex dawn l-istudenti jkunu identifikati. Wara dawn in-numri hemm tfal innoċenti u bi bżonnijiet soċjali li waqgħu mil-livell li suppost jassigura li ħadd ma jaqa’ lura minnu.


Beppe Fenech Adami appella biex dawn l-istudenti jkunu identifikati għaliex dawn għandhom bżonn l-għajnuna fil-mument meta għadu mhux tard biex dawn jirkurpaw.


Jirriżulta li fil-Matematika, l-Ingliż u l-Malti kien hemm riżultati inkwetanti tant li fil-matematika kienu biss 51% tal-istudenti li għaddew, 40% m’għaddewx waqt li 8% ma marrux għall-eżamijiet.


Fil-Malti kien hemm 30% li m’għaddewx waqt li fl-Ingliż, wieħed minn erba’ tal-istudenti m’għaddewx. Hemm ukoll problemi fl-A levels fejn kien hemm biss 25% tal-isudienti li ġabu A jw B; dan ifisser li numru kbir ta’ żgħażagħ li lanqas biss jistgħu japplikaw għaliex dan hu essenzjali biex l-istudenti japplikaw għal ċertu korsisjiet.


Jirriżulta li fost iż-żgħażagħ hemm iktar minn 77% li jemmnu li s-sistema edukattiva sejra lura. Dan hu messaġġ inkwetanti.


Dan filwaqt li 85% taż-żgħażagħ jemmnu li s-sistema edukattiva li tippreparahomx għall-ħajja, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta tal-pajjiż. In-nuqqas ta’ edukazzjoni u għerf iwassal għall-isfruttament u l-prekarjat.


Hu qal li l-pajjiż ma jaffordjax li jkollu żgħażagħ li ma jirnexxux u sostna li s-sistema edukattiva mhijiex tilħaq lil kulħadd l-istess għaliex hemm wisq tfal li ma jgħaddux mill-eżamijiet tas-SEC u li mhux jidħlu fl-istituzzjonijiet edukattivi.