Lokali

“Is-soċjaliżmu fil-Partit Laburista inqered għal kollox”

“Il-Partit Laburista m’għadux dak il-partit soċjalista li kien jiġġieled għall-ħaddiema. U l-Gvern ta’ Robert Abela m’għadux iħaddem is-sistema tad-demokrazija vera.”

Dan kien il-messaġġ li wassal l-editorjal tal-ġurnal ‘Sunday Times of Malta’ – editorjal illi fisser kif il-Labour tilef il-valuri kollha li kien iħaddan. Dan hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa wara r-riżenja tiegħu mill-Partit Laburista s-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche qal li l-Labour m’għadux partit li jiġġieled għall-ħaddiema.

Mal-ewwel, il-Prim Ministru kien reattiv. U waqt il-konferenza ġenerali tal-partit tiegħu, Robert Abela insista fuq il-valuri soċjalisti tal-Partit Laburista.

Iżda l-editur qal li l-ebda diskors ma jista’ jħassar il-fatt li s-soċjaliżmu fil-Partit Laburista inqered għal kollox.

L-editorjal jgħid li t-tort kollu mhuwiex ta’ Robert Abela biss, għaliex wiret partit mifni bil-korruzzjoni u l-iskandli li saru taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

L-editur stqarr li għalkemm f’għaxar snin il-Partit Laburista għamel affarijiet pożittivi li juru valuri demokratiċi dawn kollha sfaw fix-xejn kaġun tal-governanza ħażina, il-gideb, kif ukoll numru ta’ skandli li ħallew pajjiż ixxukjat.

Matul dawn l-aħħar snin il-Partit Laburista qabad direzzjoni ħażina fejn tal-qalba spiċċaw saru sinjuri filwaqt li l-kumplament – inkluż dawk vulnerabbli – mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Apparti minn hekk, l-editorjal fakkar fil-mument meta Abela u sħabu insistew li m’hemmx bżonn Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia – filwaqt li fl-aħħar ġimgħat inkixfu wkoll il-messaġġi li wasslu għall-għoti ta’ liċenzji lil persuni li huma ta’ periklu kbir fit-toroq ta’ pajjiżna. Bl-editur jisħaq li din żgur mhix demokrazija.