Lejliet il-konfront bejn Malta u l-Ukrajna fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2024, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Michele Marcolini kkumenta fuq il-partita t’għada, kif ukoll għadda l-aħħar kummenti tiegħu dwar il-partita tas-Sibt kontra l-Italja.
Marcolini beda billi kkumenta fuq it-telfa diżappuntanti kontra l-Italja bl-iskor ta’ 4-0, huwa qal li apprezza x-xogħol li għamlu l-Maltin waqt il-partita u partikolarment innota l-bidu tajjeb li kellu t-tim Malti, madankollu kompla jżid li jifhem li fit-tieni taqsima kien hemm nuqqas ta’ ideat u stamina. Marcolini żied li jaf li mhux faċli li l-plejers jilagħbu quddiem 60,000 partitarju Taljan, u jifhem il-pressjoni li ħassew il-plejers.
Il-kowċ Taljan enfasizza l-fatt li t-tim Malti qiegħed jipprepara mentalment għall-partita, u għal din il-partita qiegħed jittama li jkun hemm prestazzjoni iktar aggressiva. Marcolini kkonkluda li l-pressjoni tinsab fuq it-tim Ukren, hekk kif din hija partita kruċjali għalihom għall-kwalifikazzjoni, huwa qal li din hija xi ħaġa li tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-Maltin.
Preżenti ukoll għal din il-konferenza kien il-midfielder Yannick Yankam, fejn fil-kummenti tiegħu qal li l-esperjenza li qed jieħu mat-tim nazzjonali Malti qed tkun tajba għalih, speċjalment meta jilgħab kontra pajjiżi kbar bħall-Italja u l-Ingilterra.
//= $special ?>