Internazzjonali Lokali

Jissokta l-vjaġġ tal-President George Vella fl-Awstralja

Waqt avveniment organizzat mill-Ministru għall-Affarijiet Multikulturali, Zoe Bettison f’Adelaide fl-istat ta’ South Australia, il-President Geroge Vella qal li l-komunitajiet tal-Maltin ta’ barra jibqgħu parti mill-familja estiża tagħna – parti minn Malta u Għawdex. Dan filwaqt illi insista li huwa dover tiegħu li jiltaqa’ u jżomm kuntatt magħhom.

Il-President Vella osserva li waqt li l-għadd ta’ Maltin f’dan l-istat huwa iżgħar minn dak fi stati oħra Awstraljani, jinsab impressjonat li hemm tal-inqas seba’ assoċjazzjonijiet u entitajiet oħra li jassistu lill-komunità Maltija, jew li jorganizzaw attivitajiet bil-għan li jżommu t-tradizzjonijiet Maltin ħajjin.

F’Adelaide, il-President Vella kellu wkoll laqgħa mal-Gvernatur ta’ South Australia, Frances Adamson.

Mas-7,800 persuna f’South Australia huma ta’ dixxendenza Maltija. Ħafna mill-Maltin emigraw lejn dan l-istat Awstraljan fis-snin ħamsin u sittin. U kien hemm grupp iżgħar li emigraw fis-sebgħinijiet.

Intant, fl-aħħar impenn tiegħu fl-istat ta’ Victoria, il-President Vella żar il-klabb Caroline Springs George Cross FC li għandu storja twila fil-futbol.

Hawnhekk il-President kellu laqgħa sabiħa minn għadd kbir ta’ Maltin li attendew għall-attività.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-President Vella qal li dan il-klabb huwa xhieda b’saħħitha ta’ kif l-identità Maltija – f’dan il-każ dik sportiva – baqgħet tiġi mġedda matul is-snin.

Il-President iltaqa’ wkoll ma’ grupp ta’ tfal, ħafna minnhom ta’ nisel Malti, li jitħarrġu ma’ dan il-klabb.